Dejan Grech jirbaħ l-unur tal-Atlas Żagħżugħ tax-Xahar għal Frar
Il-plejer tal-Pool Dejan Grech kien dikjarat rebbieħ tal-unur Atlas Żagħżugħ tax-Xahar għal Frar 2020, wara l-wirja kbira li kellu fil-Kampjonat Ewropew tal-Eight Ball Pool li sar f’Malta x-xahar li għadda. Dan hu t-tieni unur li qed jingħata ta’ din ix-xorta b’inizjattiva ta’ Atlas Insurance bil-kollaborazzjoni tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li ta’ kull xahar tikkordina panel ta’ ġurnalisti tal-isport fejn jevalwaw il-kisbiet tal-atleti żgħażagħ. Dejan Grech kellu kampjonat straordinarju hekk kif mhux biss rebaħ il-finali ta’ taħt it-23 sena u temm bis-suċċess ta’ Ċampjin Ewropew, iżda saħansitra wasal ukoll sas-semi finali fil-kategorija Open. Fil-finali tal-kategorija ta’ taħt it-23 sena Grech għeleb fil-finali lil Thomas Morgan tal-Irlanda 7 frames għal 3. Grech kien anke jifforma parti mit-tim Malti ta’ taħt it-23 sena li wasal sal-finali kontra t-tim Nazzjonali tal-Irlanda fejn tilef ħames frames għal tnejn. Għal dan il-Kampjonat Ewropew kien hawn f’pajjiżna plejers minn 10 pajjiżi differenti; fejn flimkien ma’ Malta ħadu sehem [...]