Il-Plejer tat-Tim Nazzjonali Malti tal-futbol u ta’ US Sassuolo Calcio Femminile Haley Bugeja rebħet l-unur tal-Atlas Żagħżugħa tax-Xahar għal Ottubru 2020. Matul ix-xahar li għadda Bugeja ddistingwit ruħha mat-team ta’ US Sassuolo fis-Serie A meta kienet ikkonfermata fl-iskwadra inizzjali tat-team fil-logħbiet tas-Serie A Femminile. F’Ottubru hi skorjat ukoll f’ġurnata numru 6 tal-kampjonat f’rebħa ta’ 3-1 home kontra Florentia San Gimignano.

Bugeja kienet ħalliet impatt qawwi fil-kampjonat Serie A tan-Nisa proprju fid-debutt tagħha fil-5 ta’ Settembru meta dakinhar f’ġurnata numru 3 kienet skorjat dopjetta f’rebħa ta’ 3-1 kontra Napoli.  Hi skorjat ukoll goal ieħor fir-rebħa away kontra Fiorentina f’rebħa oħra bi skor simili ta’ 3-1.

Il-plejer Maltija li għandha 16-il sena, stabilixxit ruħha bħala waħda mill-aqwa plejers ‘barranin’ f’dan il-kampjonat tal-ogħla diviżjoni fl-Italja.

Il-Ġimgħa l-oħra Bugeja żiedet goal ieħor mal-goals skorjati sa issa dan l-istaġun meta fi Stadio Comunale Enzo Ricci ta’ Sassuolo hi reġgħet skorjat f’rebħa ta’ 4-1 kontra Hellas Verona.

Bugeja mistennija tkun imsejħa mal-iskwadra tat-team Nazzjonali tan-Nisa mmexxija mill-kowċ Mark Gatt għaż-żewġ impenji mill-UEFA Women’s EURO Qualifiers f’żewġ logħbiet away kontra l-Ġorġja u Iżrael fis-26 ta’ Novembru u fl-1 ta’ Diċembru rispettivament.

Dan kien l-għaxar unur li ngħata lill-atleta żagħżugħ lokali f’din l-inizjativa konġunta bejn Atlas Insurance u l-Għaqda Ġurnalisti Sports. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tirrikonoxxi s-sagrifiċċji li jagħmlu l-atleti żgħażagħ Maltin u tinkoraġġihom biex jibqgħu jittrenjaw b’serjeta’ fid-dixxiplini rispettivi tagħhom.

Ir-rebbieħa tax-xhur preċedenti ta’ dan l-unur kienu:

Kayden Lagana (Tenpin Bowling) Settembru 2020, Sacha Gatt (Għawm) Awwissu 2020, Richard Shulthies (Ibburdjar) Lulju 2020, Matthew Magro (Tenpin Bowling) Ġunju 2020, Thomas Borg (Għawm Paralimpiku) Mejju 2020, Jake Vella (Għawm) April 2020, Tenishia Thornton (Weightlifting) Marzu 2020, Dejan Grech (Pool) Frar 2020, Rachela Pace (Atletika) Jannar 2020,

Ta’ kull xahar l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance tistieden atleti ta’ taħt il-21 sena, l-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet tagħhom sabiex jissottomettu nominazzjonijiet għal dan l-unur. Nominazzjonijiet jistgħu jsiru permezz tal-email fuq info@maltasportsjournalists.com.

It-trofew ta’ Ottubru tal-Atlas Żagħżugħ tax-Xahar flimkien mal-voucher ta’ abbiljament sportiv li hu abbinat ma’ dan l-unur ta’ dan ix-xahar se jkunu ippreżentati lil Haley Bugeja fil-jiem li ġejjien hekk kif Bugeja mistennija tivjaġġja lejn Malta ġurnata qabel biss ma’ taqbad it-titjira mal-iskwadra tat-team Nazzjonali Malti lejn il-Ġorġja.