Ftit tal-ħin ilu ġiet fi tmiemha s-Sela Cup, li kienet ippreżentata b’suċċess minn VISIT MALTA.

L-ewwel edizzjoni ta’ din l-kompetizzjoni kienet mirbuħa minn Newcastle United wara li fil-partita ta’ llum huma għelbu lil Villarreal bl-iskor ta’ 4-0.

Għall-partita tal-lum iż-żewġ naħat niżlu bi skwadra ta’ plejers differenti mill-plejers li kienu utilizzati fil-logħbiet tal-bieraħ.

Wara biss ħames minuti mil-ftuħ tal-partita, Newcastle United fetħu l-iskor fejn kien Matt Richie li pprovda l-freekick li kien newtralizzat b’mod temporanju mid-difiża, il-ballun spiċċa għand JACOB MURPHY li b’xutt b’saħħtu minn tarf il-kaxxa ma ħafirx u poġġa lill-Magpies fil-vantaġġ.

Fl-10 minuta Newcastle ħasbu li għamlu l-iskor 2-0 meta minn freekick qasir kien Bruno Guimares li dendel kross li sab lil Callum Wilson li tefa’ l-ballun fix-xibka. Dan il-gowl iżda kien imħassar wara li l-istess Wilson kien f’pożizzjoni irregolari.

Fil-27 minuta għal darb’oħra Newcastle ħasbu li kabbru l-marġi tal-iskor, meta kien Matt Richie li pprovda mill-freekick, bil-goalkeeper Pepe Reina ħareġ u ma żammx il-ballun, bl-istess ballun jintemm fix-xibka. Dan il-gowl iżda kien imħassar għall-foul ta’ Paul Dummett fuq l-istess goalkeeper Spanjol.

Fit-33 minuta l-goalkeeper Pepe Reina mil-ġdid reġa’ kien providenzjali meta salva żewġ tentattivi tal-Magpies biex l-iskor baqa’ 1-0.

Fil 35 minuta wasal l-ewwel ċans ta’ Villarreal fejn wara azzjoni ta’ corner u diversi tentattivi l-ballun spiċċa għand Adria Altimira li kellu x-xutt debboli mid-distanza tiegħu salvat minn Nick Pope.

L-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima waslet fl-40 minuta meta Joelinton wara li avvanza bil-ballun, tefa’ l-ballun il-quddiem li kien kemm xejn twil għal Calum Wilson biex Pepe Reina salva minn mal-art, bla ebda problemi, biex l-ewwel taqsima ntemmet 1-0.

Ħames minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Newcastle resqu qrib meta wara sensiela ta’ passes, il-ballun spiċċa għand Harvey Barnes li pprova xutt angolat u l-ballun għadda ftit barra.

Fl-azzjoni sussegwenti reġa’ kien Harvey Barnes li kellu xutt ċentrali li impenja lill-goalkeeper Pepe Reina li salva kif seta’.

Fit-53 minuta, Villarreal tilfu ċans tad-deheb li jagħmlu l-iskor 1-1, meta Alexander Sorloth wiċċ imb’wiċċ mal-goalkeeper Nick Pope inkredibilment tefa’ barra.

Żewġ minuti wara, reġgħu kienu Villarreal minn azzjoni ta’ corner, bil-ballun li niżel fil-kaxxa, iżda ħadd mill-plejers tat-tim Spanjol ma rnexxielu jieħu l-ballun, bl-azzjoni sfumat fix-xejn.

Newcastle għamlu l-iskor 2-0 mas-siegħa logħob, meta kien Callum Wilson li qassam il-ballun lil Joelinton li għadda mill-ewwel lejn HARVEY BARNES li b’xutt b’saħħtu minn ġol-kaxxa tefa’ l-ballun fix-xibka, biex skorja l-ewwel gowl tiegħu bil-kuluri ta’ Newcastle.

Kwarta mit-tmiem u Newcastle skorjaw it-tielet gowl tagħhom, meta JOELINGTON irċieva ballun f’nofs ground, qabeż player avversarju, baqa’ javvanza u b’xutt mill-isbaħ minn barra l-kaxxa tefa’ l-ballun fix-xibka.

Tlett minuti wara u Newcastle għamluhom erbgħa, meta f’attakk ieħor kien Callum Wilson li minn ġol-kaxxa tefa’ kross fil-baxx li sab eżatt lil HARVEY BARNES, li b’xutt għar-rokna, skorja t-tieni gowl tiegħu fil-partita.

Wara l-partita Newcastle United kienu ppreżentati bis-SELA CUP, mis-CEO ta’ Newcastle United Darren Eales u Carlo Micallef CEO tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Skor Finali: NEWCASTLE UNITED 4-0 VILLARREAL

REFEREE: Anthony Taylor

ATTENDENZA: 34,621

RITRATTI: Domenic Aquilina / Tonio Magro

KLASSIFIKA
LagħbuPunti
1 – Newcastle United212
2 – ACF Fiorentina25
3 – OCG Nice23
4 – Villarreal CF22