Messaġġ tal-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports fl-okkażjoni tal-Jum Dinji dedikat lill-Ġurnalisti tal-Isport
Kollegi Illum 2 ta' Lulju qed niċċelebraw il-Jum Dinji dedikat lill-Ġurnalisti tal-Isport. B'hekk il-ġurnata tal-lum hi importanti bħal kull sena li niċelebrawha iżda din is-sena niċċelebrawha b'mod partikolari hekk kif is-sena 2020 taħbat ukoll is-sena li fiha qed niċċelebraw il-50 sena anniversarju mit-twaqqif tal-Għaqda Ġurnalisti Sports lura fl-1970 dakinhar kienet ingħatat l-isem Għaqda Kittieba Sports. Minn hawn insellem lill-ewwel President tagħna Fr. Hilary Tagliaferro u sħabu fl-ewwel kumitat. Sena partikolari din tal-2020 mhux biss ta' ċelebrazzjoni għalina iżda ta' riflessjoni hekk kif kienet sena li x-xogħol tagħna kien affetwat bil-COVID-19 u r-riperkussjonijiet kollha li din il-pandemija ġabet magħha. Il-waqfien ta' diversi attivitajiet sportivi f'Malta affetwaw lil ħafna minnkom li kontu tkunu assenjati xogħol l-aktar f’kull tmiem il-ġimgħa. Fortunatament f'pajjiżna ma rriżultax li kien hemm sensji ta' ġurnalisti tal-inqas dawk li jaħdmu fil-ġurnaliżmu bħala l-impjieg prinċipali tagħhom. Il-ħsieb u s-solidarjeta' tiegħi imorru lill-eluf ta' ġurnalisti madwar id-Dinja speċjalment fl-Ewropa u fl-Amerika [...]