L-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ SportMalta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali se ssir nhar is-Sibt 13 ta’ Marzu 2021. Dan tħabbar illum waqt Konferenza Stampa li fiha ingħataw id-dettalji marbuta mal-organiżazzjoni tal-edizzjoni ta’ din is-sena li minħabba ċ-ċirkostanzi preżenti tal-COVID-19 se tkun waħda ristretta u differenti mill-edizzjonijiet riċenti.

Fil-Konferenza Stampa ġie spjegat li wara li l-Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports ħa inkonsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-Isport f’pajjiżna speċjalment minn Marzu sa Diċembru tas-sena l-oħra, kien għaqli li jitlob lill-SportMalta sabiex minkejja kollox il-61 edizzjoni ta’ dan l-avveniment issir xorta waħda.

Eventwalment wara li t-talba tal-Għaqda Ġurnalisti Sports kienet aċċetata kemm minn SportMalta u anke mis-Segretarjat Parlamentari bdew mill-ewwel it-tħejjijiet sabiex tkun organiżżata edizzjoni oħra li tippremja l-aħjar riżultati tas-sena 2020.

Il-Kumitat Organiżattiv kompost minn uffiċjali ta’ SportMalta u l-Għaqda Ġurnalisti Sports qablu li l-edizzjoni ta’ din is-sena ssir xorta waħda. Id-deċiżjoni ttieħdet anke b’rispett lejn dawk l-Assoċjazzjonijiet u Federazzjonijiet li għamlu ħilithom u minkejja l-isfidi li ġabet il-Pandemija tal-COVID-19, stinkaw biex jaraw li l-atleti tagħhom jibqgħu attivi u anke fejn setgħu organizzaw il-kampjonati Nazzjonali rispettivi.

Fil-Konferenza Stampa ġie spjegat li s-serata se tkun organizzata billi jitħarsu l-miżuri kollha ta’ mitigazzjoni tal-COVID-19 hekk kif maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa fosthom li għall-avveniment se jkunu mistiedna biss 90 persuna, li jinkludu l-finalisti u rapreżentanza żgħira ta’ uffiċjali flimkien ma’ sponsors u ġurnalisti.

Fil-jiem li għaddew l-Assoċjazzjonijiet u l-Federazzjonijiet Sportivi kellhom l-opportunita’ li jissottomettu n-nominazzjonijiet tagħhom għall-kategoriji standard li huma:

Sportiv tas-Sena

Sportiva tas-Sena

Żagħżugħa tas-Sena

Żagħżugħa tas-Sena

Kowċ tas-Sena

Uffiċjal tas-Sena

Tim tas-Sena

Minn hawn ‘il quddiem il-Kumitat Organiżattiv jagħmel skrutinju tan-nominazzjonijiet kollha u wara ssir il-votazzjoni bejn il-membri attivi tal-Għaqda Ġurnalisti Sports biex jintgħażlu l-finalisti li din is-sena se jkunu limitati għal tlieta f’kull kategorija.

In-Nominazzjonijiet għall-unur tal-People’s Choice Award se jkunu qed jinfetħu fil-jiem li ġejjin.

Il-Konferenza Stampa kienet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Isport Clifton Grima, minn Mark Cutajar Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Sandro Micallef President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports u minn Luciano Busuttil Chairman ta’ SportMalta.

Il-61 edizzjoni ta’ Sportmalta Awards s’issa sabet l-appoġġ ta’ Maltco Lotteries, Atlas Insurance u Bank of Valletta. Kumpaniji oħra li jixtiequ jkunu assoċjati ma’ dan l-avveniment sportiv nazzjonali huma mitluba jikkuntatjaw lill-Għaqda Ġurnalisti Sports fuq info@maltasportsjournalists.com.

Kif sar fl-aħħar snin is-serata ta’ SportMalta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali se tkun qed tixxandar diretta fuq it-televiżjoni u din is-sena se jkun hemm xandira wkoll fuq Facebook live permezz ta’ cross posting fuq il-paġni ta’ Facebook ta’ diversi media houses lokali.