L-Għaqda Ġurnalisti Sports bi pjaċir tħabbar l-għaxar TGS Fair Play Award, li ġie mogħti lit-triatleta veterana Danica Bonello Spiteri. Dan huwa t-tieni unur għas-sena 2023, li jkopri l-perjodu bejn April u Ġunju 2023.

Dan l-unur li dan l-aħħar ingħatatlu dehra ġdida, huwa frott tal-kolaborazzjoni li l-Għaqda Ġurnalisti Sports għandha mal-Malta Fair Play Movement u Together Gaming Solutions.

Dan il-premju huwa intiż għal dawk fil-qasam tal-isport kemm fuq livell individwali jew bħala tim għal mod altruwistiku ta’ Fair Play f’kompetizzjoni/ijiet uffiċjali jew le.

Waqt it-tellieqa tal-Kampjonat Nazzjonali tat-Triathlon Sprint, li saret nhar il-Ħadd 11 ta’ Ġunju 2023 fis-Salina (limiti tan-Naxxar u San Pawl il-Baħar), Maya Schembri Rodgers kienet l-ewwel atleta li ħarġet mill-ilma u allura Danica Bonello Spiteri, bdiet tirsisti biex tnaqqas id-distakk ta’ bejniethom fuq ir-rota.

F’daqqa waħda, għal xi raġuni Bonello Spiteri rat lil Schembri Rogers titfixkel u taqa’ minn fuq ir-rota. F’qasir żmien, Bonello Spiteri laħqitha u waqfet biex tgħinha. Kien hawn li Bonello Spiteri għamlet il-kuraġġ lil Schembri Rodgers biex terġa’ tirkeb ir-rota u tkompli t-tellieqa magħha. Eventwalment Bonello Spiteri spiċċat fl-ewwel post, filwaqt li Schembri Rodgers daħlet it-tieni overall fis-sezzjoni femminili.

Bonello Spiteri ħasset li kienet xi ħaġa naturali fiha, li tieqaf u tassisti lit-triatleta promettenti Maya Schembri Rogers.

Danica Bonello Spiteri u Maya Schembri Rodgers wara tmiem it-tellieqa (Ritratt: Andrea Azzopardi)

Edward Licari Direttur ta’ Together Gaming Solutions irrimarka: “Danica uriet b’mod ċar xi jfisser l-isport, meta l-lat uman ġie qabel l-element ta’ kompetizzjoni. Hija ħarġet tassew rebbieħa għax il-ġest tagħha huwa ta’ ispirazzjoni u ħaqqu li jiġi ppremjat.”

Il-preżentazzjoni tat-TGS Fair Play Award saret fl-uffiċini ta’ Together Gaming Solutions, minn Edward Licari Direttur ta’ Together Gaming Solutions. Charles Camenzuli kien preżenti f’isem il-Malta Fair Play Movement.

Individwi, timijiet, jew uffiċjali jistgħu jikkomunikaw mal-Għaqda Ġurnalisti Sports u mal-Malta Fair Play Movement biex jirrapurtawlhom att ta’ fair play billi jibagħtu email fuq info@maltasportsjournalists.com, sabiex dan il-ġest ikun ikkunsidrat.

Ritratt: Edward Licari (Direttur ta’ Together Gaming Solutions) flimkien mar-Rebbieħa tat-TGS Fair Play Award għal April – Ġunju 2023 Danica Bonello Spiteri (Triathlon) u Charles Camenzuli (Chairman Malta Fair Play Movement).