Nicholas Muscat ingħata l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Novembru.

Il-bowler żagħżugħ Nicholas Muscat, li għandu 17-il sena, rebaħ il-Kampjonat Nazzjonali ta’ taħt it-23 sena. Huwa wkoll għen lit-tim tiegħu OKMalta.com sabiex jirbaħ l-ewwel diviżjoni tal-kampjonati nazzjonali għas-seba’ darba konsekuttiva.

F’Settembru, Muscat rebaħ żewġ midalji tal-bronż (waħda mat-tim tas-subien u u l-oħra fil-kategorija tal-“All Events”) u sar l-ewwel Malti li wasal fil-finali tal-European Youth Championships (EYC) fejn rebaħ il-midalja tal-fidda.

Il-kategorija tal-Masters li kkonsistiet mill-aqwa 24 atleta fil-kampjonati,  hija meqjusa bħala l-iktar kampjonat prestiġjuż, peress li fiha l-aqwa bowlers mill-Ewropa kollha.

It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Novembru 2022 kif ukoll il-voucher ta’ abbiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju ġew ippreżentati lil Nicholas Muscat minn Robert Micallef, Chief Commercial Officer ta’ Atlas insurance. L-Għaqda Ġurnalisti Sports kienet irrappreżentata mill-President Sandro Micallef u l-Amministratur Stephen Azzopardi.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports u Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati jridu jkunu taħt il-21 sena.

In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’email lil info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.

Ritratt: Sandro Micallef, President (MSJA), Stephen Azzopardi, Amministratur (MSJA), Nicholas Muscat, u Robert Micallef, Chief Commercial Officer (Atlas Insurance).