L-Għaqda Ġurnalisti Sports tingħaqad ma’ dawk kollha li wrew is-sogħba tagħhom għall-mewt tal-Membru Parlamentari Nazzjonalista u eks amministratur fil-futbol Robert Arrigo u tal-eks President tal-MAFA Twanny Agius.

Żewġ personalitajiet li kienu ferm popolari f’pajjiżna, għaliex taw kontribut kbir u kellhom in komuni l-imħabba lejn l-isport speċjalment għal-logħba tal-futbol.

Robert Arrigo kien beda fl-amministrazzjoni fil-futbol lokali meta kien ġie elett bħala President tal-Klabb ta’ Gzira United FC u wara għamel 12-il sena bħala President ta’ Sliema Wanderers FC. Arrigo jibqa’ mfakkar ukoll għall-qadi tiegħu bħala Sindku ta’ Tas-Sliema. Huwa ħadem għall-aktar minn 50 sena fl-industrija tal-ospitalità u t-turiżmu. Arrigo ta wkoll il-kontribut tiegħu bħala membru parlamentari fejn kien ukoll Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista.

L-Għaqda Ġurnalisti Sports isellem ukoll il-memorja ta’ Twanny Agius li okkupa l-kariga ta’ President tal-Malta Football Amateurs Association (MAFA) għal 23 sena sħaħ. Huwa rriżenja minn din il-kariga ftit tax-xhur ilu minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Agius kien ukoll referee fil-futbol lokali.

L-Għaqda Ġurnalisti Sports tibgħat il-kondoljanzi sinċiera tagħha lill-familji Arrigo u Agius.