Wara li rebħet l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Diċembru, l-istilla tal-futbol Haley Bugeja rebħet l-Atlas Atleta Żagħżugħa tas-Sena 2021.

Hija rebħet dan l-unur prestiġġjuż wara votazzjoni minn panel ta’ tliet ġurnalisti mħallta mal-votazzjoni tal-pubbliku, li saret onlajn matul dawn l-aħħar ġimgħat. Fit-tieni post overall ta’ dan l-unur spiċċaw il-long jumper Jeremy Zammit u l-għawwiema Sasha Gatt li kienu ferm viċin ta’ Bugeja. L-ewwel unur annwali li kien dak tas-sena 2020 kien intrebaħ mill-weightlifter Tenishia Thornton u Haley Bugeja kienet ġiet bħala runner up.

Haley Bugeja ingħaqdet ma’ U.S. Sassuolo fl-età żgħira ta’ 16-il sena u ġibdet l-attenzjoni internazzjonali għad-debutt pożittiv li kellha u spiċċat top scorer mal-klabb tagħha u waħda mill-aqwa ħames scorers fis-Serie A Femminile. Il-wirjiet tagħha poġġewha mal-aktar għaxar plejers b’potenzjal tan-nisa mill-UEFA, fejn kienet l-iżgħar plejer fil-lista.

Din is-sena kienet waħda sensazzjonali għall-attakanta Maltija Haley Bugeja li fetħet l-istaġun 2021/2022 ma’ U.S. Sassuolo wara li sabet ix-xibka fl-ewwel taqsima kontra Napoli fis-Serie A Femminile, wara nuqqas ta’ ħames xhur minħabba injury.

F’Diċembru, Bugeja ġiet ippremjata bħala l-aqwa plejer fis-Serie A Femminile minn L Football, pubblikazzjoni ibbażata fl-Italja li tispeċjalizza fil-futbol tan-nisa.

Hija wkoll għamlitha bħala l-ewwel Maltija mal-IFFHS Women’s U-20’s Best XI. Hija ngħaqdet ma’ plejers oħra ta’ talent fil-formazzjoni ta’ 3-3-4 ippublikata mill-IFFHS, li hija l-Federazzjoni Internazzjonali tal-Istorja u l-Istatistika tal-Futbol.

Bugeja kienet ukoll parti mit-Tim Nazzjonali Malti tan-Nisa fil-logħob ta’ Kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja kontra l-Montenegro u l-Bożnija-Ħerżegovina.

Il-preżentazzjoni tat-trofew u l-vawċer ta’ abbiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju se jingħataw aktar ‘il quddiem minħabba l-impenji li għandha mal-klabb barra minn xtutna.

L-għan prinċipali wara l-inizjattiva ta’ dan l-unur hi sabiex isir iktar għarfien u promozzjoni tal-kisbiet sportivi tal-atleti żgħażagħ Maltin kemm lokalment kif ukoll fix-xena internazzjonali flimkien mal-importanza tal-valuri sportivi. Ir-regolamenti marbuta mal-unur tas-sena 2022 se jibqgħu l-istess fejn atleti taħt il-21 sena li jkunu ddistingwew ruħhom tul ix-xahar partikolari jkunu kkunsidrati għall-unur tax-xahar minn panel ta’ tliet ġurnalisti. Kull rebbieħ jingħata t-trofew marbut ma’ dan l-unur kif ukoll vawċer ta’ abbiljament sportiv tal-għażla tagħhom ġentilment mogħti minn Atlas Insurance.

Dawk l-atleti, uffiċjali u kowċis li jixtiequ jinnominaw individwi għal dan l-unur huma mħeġġa jagħmlu dan billi jibagħtu l-motivazzjoni permezz ta’ email fuq info@maltasportsjournalists.com.

Ritratt meħud minn Domenic Aquilina li juri lil Haley Bugeja tiċċelebra mat-Tim Nazzjonali Malti tan-Nisa.

Ritratt tat-Trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tas-Sena 2021.