Qormi Daikin rebħu l-ewwel unur tal-istaġun 2021/2022 meta fil-Kumpless tal-Hockey f’Kordin huma għelbu lil GREE Sliema Hotsticks 4-2.

Din kienet sa ċertu punt vendetta sportiva tal-Qriema li kienu għadhom ġejjin minn telfa drammatika ta’ 3-2 kontra l-istess avversarji fil-finali tal-kompetizzjoni Knock-Out ġimgħa ilu.

Din id-darba it-tim immexxi minn Andre Ghio kien iffukat u stabilixxa vantaġġ tajjeb fl-ewwel żewġ quarters li għenuh jieħu r-rebħa finali.

Kien ukoll il-bidu ta’ staġun ġdid wara li l-ġimgħa l-oħra ntemmu l-kompetizzjonijiet uffiċjali tal-istaġun 2020/2021.

Qormi skorjaw żewġ gowls fl-ewwel quarter permezz ta’ Matthijs Bartelts u Steve Tanti. Fit-tieni quarter, Bartelts żied ieħor għall-Qriema sabiex għaqqad doppjetta personali b’Matteo Forani jiskorja r-raba’ gowl u Chris Agius inaqqas il-marġni tal-iskor.

Hekk kif it-tielet quarter ma pproduċa l-ebda gowl, fir-raba’ quarter Sliema reġgħu skorjaw permezz ta’ Chris Agius li b’hekk kien awtur ta’ doppjetta. Minkejja kollox, kien tard wisq għas-Slimiżi sabiex isalvaw ir-riżultat.

Fl-aħħar tal-konfront, Robert Busuttil, f’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports ippreżenta t-trofew lill-plejer ta’ Qormi Daikin Ayrton Falzon fil-preżenza tal-president tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Hockey Gordon Mifsud u s-segretarju ġenerali l-ġdid tal-Kumitat Olimpiku Malti Kevin Azzopardi.

GREE Sliema Hotsticks: Nathan Julian Cardona, Lukas Plaehn, Luke Brincat, Luca Runza, Kurt Bonnici, Ryan George, Gary Bonnici, Jonathan Borg, Shaun Grima, Julian Zahra, David Vella Dingli, Karl Borg, Alessandro Amore, Luke Bonnici, Chris Agius, Alex Bolton, Sean De Marco.

Qormi Daikin: Shamison Mifsud, Matteo Forani, Joseph Cuschieri, Clayton Gatt, Matthijs Bartelts, Zachary Degiovanni, Ayrton Falzon, Steve Tanti, Aaron Spiteri, Juan Sarcia, Duncan Edwards, Daniel Ellul, John Williams, Keith Calleja, Axel Cauchi, Steve Portelli, Luke Bajada, Shawn Dimech.

Umpires: Karl Chircop, Luke Busuttil Leaver.