L-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien mal-kumpanija Together Gaming Solutions, li hija kkwotata fil-Borża ta’ Malta, flimkien se jerġgħu jqajjmu l-Fairplay Award.

Il-kunċett tal-Fairplay Award f’Malta imur lura għas-snin tmenin, meta l-mibki iżda qatt minsi ġurnalist sportiv Louis Portelli kien introduċa dan il-premju immirat għall-atleti individwali jew timijiet li jiddistingwu ruħhom f’ġesti ta’ altruwiżmu, jew kif inhu magħruf bħala Fairplay, waqt kompetizzjonijiet uffiċjali u anki mhux uffiċjali.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġiet imneddija din l-inizzjattiva, is-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Lorraine Cunningham irringrazzjat lil Together Gaming Solutions  li aċċettaw li jkunu parti minn din l-inizjattiva li żgur kienet se tkun ta’ interess għall-komunità sportiva lokali.

Ingħataw aktar dettalji fuq il-panel ta’ esperti li se jkun qed jevalwa in-nominazzjonijiet għal dan il-premju. Il-panel se jkun immexxi mill-President tal-AIPS Europe Charles Camenzuli li huwa wkoll membru fil-kumitat tal-European Fairplay.

Andrea Critien mid-Dipartiment tal-Finanzi u l-HR ta’ Together Gaming Solutions qalet li din il-kumpaniija internazzjonali tinsab onorata li qed tingħaqad mal-Għaqda Ġurnalisti Sports u tħares ‘il quddiem biex tkompli taħdem mal-media tal-isports lokali.

It-Together Gaming Solutions Fairplay Award għas-sena 2021 se jingħata kif ġej:

Perjodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Marzu, bil-premju jingħata f’April 2021

Perjodu bejn l-1 ta’ April u t-30 ta’ Ġunju, bil-premju jingħata f’Lulju 2021

Perjodu bejn l-1 ta’ Lulju u t-30 ta’ Settembru, bil-premju jingħata f’Ottubru 2021

Perjodu bejn l-1 ta’ Ottubru u l-31 ta’ Diċembru, bil-premju jingħata f’Jannar 2022

Bħalma kien intqal fil-61 tal-edizzjoni ta’ SportMalta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali, l-Għaqda Ġurnalisti Sports se tikteb formalment lill-European Fair Play Movement sabiex tinfurmahom b’din l-inizzjativa f’Malta.

Għal aktar informazzjoni dwar it-Together Gaming Solutions Fairplay Award inkluż ir-regolamenti marbuta ma’ dan l-award, idħlu fuq is-sit www.maltasportsjournalists.com fil-kategorija Awards.