Bħalma tħabbar dan l-aħħar, l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance għadhom kemm uffiċjalment neddew il-votazzjoni pubblika għall-Premju tal-Atlas Atleta Żagħżugħ/a tas-Sena.

Il-ħdax-il atleta li rebħu l-premju ta’ kull xahar matul is-sena 2020 huma eliġibbli għal premju annwali b’votazzjoni ta’ panel ta’ ġurnalisti flimkien mal-pubbliku ġenerali.

Il-vot tal-ġurnalisti se jkollu 60% sehem tal-voti, filwaqt li l-vot tal-pubbliku minn fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Atlas Insurance https://www.facebook.com/atlasmalta/ se jkollu 40%.

L-atleti eliġibbli għall-Atlas Atleta Żagħżugħ/a tas-Sena:

Rachela Pace (Atletika) Jannar 2020
Dejan Grech (Pool) Frar 2020
Tenishia Thornton (Weightlifting) Marzu & Novembru 2020
Jake Vella (Għawm) April 2020
Thomas Borg (Para Għawm) Mejju 2020
Matthew Magro (Tenpin bowling) Ġunju 2020
Richard Schulthies (Ibburdjar) Lulju 2020
Sacha Gatt (Għawm) Awwissu 2020
Kayden Lagana (Tenpin bowling) Settembru 2020
Haley Bugeja (Futbol) Ottubru 2020
Tara Vella Clark (Ġinnastika) Diċembru 2020

“Aħna ninsabu onorati u kburin li kellna sehem importanti fir-rikonoxximent tat- talenti u tas-suċċessi miksuba mill-atleti żgħażagħ u emerġenti matul is-sena, bis-sapport ta’ dawn il-premijiet.  Bħala kumpanija, nemmnu fil-valuri tad-dedikazzjoni, passjoni u rispett fl-isport – li huma valuri li jaqblu eżatt mal-valuri tagħna. Bis-sħubija tagħna mal-Għaqda Ġurnalisti Sports, aħna nemmnu li qed nagħmlu l-parti tagħna biex ninkoraġixxu liż-żgħażagħ Maltin biex ikunu attivi fl-isport, għall-ġid tagħhom infushom u tal-kommunità li jgħixu fiha. Aħna nawguraw lir-rebbieħa kollha ta’ kull xahar għal dan il-prmeju mistenni tal- Atlas Atleta Żagħżugħ/a tas-Sena 2020.” Robert Micallef, Chief Commercial Officer ta’ Atlas Insurance.

Ir-rebbieħ/a se jitħabbar fil-25 ta’ Jannar 2021 bil-preżentazzjoni uffiċjali ta’ dan it-trofew prestiġjuż tal-Atlas Atleta Żagħżugħ/a tas-Sena 2020.