Il-plejer tal-Pool Dejan Grech kien dikjarat rebbieħ tal-unur Atlas Żagħżugħ tax-Xahar għal Frar 2020, wara l-wirja kbira li kellu fil-Kampjonat Ewropew tal-Eight Ball Pool li sar f’Malta x-xahar li għadda.

Dan hu t-tieni unur li qed jingħata ta’ din ix-xorta b’inizjattiva ta’ Atlas Insurance bil-kollaborazzjoni tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li ta’ kull xahar tikkordina panel ta’ ġurnalisti tal-isport fejn jevalwaw il-kisbiet tal-atleti żgħażagħ.

Dejan Grech kellu kampjonat straordinarju hekk kif mhux biss rebaħ il-finali ta’ taħt it-23 sena u temm bis-suċċess ta’ Ċampjin Ewropew, iżda saħansitra wasal ukoll sas-semi finali fil-kategorija Open.

Fil-finali tal-kategorija ta’ taħt it-23 sena Grech għeleb fil-finali lil Thomas Morgan tal-Irlanda 7 frames għal 3. Grech kien anke jifforma parti mit-tim Malti ta’ taħt it-23 sena li wasal sal-finali kontra t-tim Nazzjonali tal-Irlanda fejn tilef ħames frames għal tnejn. Għal dan il-Kampjonat Ewropew kien hawn f’pajjiżna plejers minn 10 pajjiżi differenti; fejn  flimkien ma’ Malta ħadu sehem l-Ingilterra, ir-Repubblika Irlandiża, l-Irlanda ta’ Fuq, l-Iskozja, Wales, il-Belġju, Ċipru, Franza, il-Portugall u l-pajjiż mistieden mill-Afrika, il-Marokk.

B’kollox f’dan il-kampjonati Ewropew ta’ din is-sena pparteċipaw 540 plejer.

Il-Preżentazzjoni tal-unur lil Grech, saret minn David Cassar Manager Business Development ta’ Atlas Insurance fil-preżenza tal-uffiċjali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports u rappreżentanti oħra tal-kumpanija Atlas Insurance.

Dejan Grech jirċievi l-Atlas Żagħżugħ tax-Xahar għal Frar 2020 mingħand David Cassar u Sandro Micallef.