It-tim nazzjonali tan-Nisa ta’ taħt is-17-il sena tal-Water Polo rebbieħ tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Awwissu
It-tim nazzjonali tan-Nisa ta’ taħt is-17-il sena tal-Water Polo ingħata l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Awwissu. Bħal fil-każ tat-tim nazzjonali ta’ taħt il-15-il sena tal-Irġiel tal-Water Polo, f’Mejju li għadda, ġie magħżul tim minflok atleta individwali. It-tim rebaħ l-ewwel logħba storika tiegħu fil-kampjonati Ewropej tal-LEN ta’ din il-kategorija. 19-il pajjiż ħa sehem fil-LEN Women’s European U17 Water Polo Championships li saru f’Sibenik il-Kroazja. It-tim Malti fi Grupp Ċ kien mal-istess Kroazja, il-Ġermanja, ir-Rumanija u r-Russja. It-Tim Malti mmexxi mill-kowċ Anthony Farrugia, wara li tilef kontra l-Kroazja l-Ġermanja, rebaħ kontra r-Rumanija bl-iskor ta’ 11-8. B’din ir-rebħa, it-tim Malti kellu ċ-ċans li jilgħab l-aħħar logħbiet ta’ klassifikazzjoni ta’ bejn it-tlettax u s-sittax-il post. Meritatament il-Maltin għelbu lill-Bulgarija 10-9 u spiċċaw din il-kompetizzjoni fil-ħmistax-il post. It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Awwissu flimkien ma’ tifkira tal-okkażjoni ġew preżentati lill-plejers kollha tat-tim nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena minn Matthew von Brockdorff, Managing [...]

