L-Għaqda Ġurnalisti Sports (GħĠS) tifraħ u twassal l-awguri tagħha lill-President elett tal-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) Julian Pace Bonello u tawguralu għal aktar ħidma għat-terminu li jmiss fit-tmexxija ta’ dan l-ogħla organu sportiv. L-Eżekuttiv tal-GħĠS jifraħ ukoll lis-Segretarju Ġenerali il-ġdid Kevin Azzopardi wara li lbieraħ ġie elett f’din il-kariga fi ħdan il-KOM.

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-GħĠS jifraħ ukoll lill-membri eletti bħala diretturi fl-eżekuttiv, fosthom lil Paul Sultana bħala l-Viċi President il-ġdid, David Azzopardi li kien konfermat bħala Teżorier, Charlene Attard bħala Direttur tal-Isport, u lid-diretturi l-oħra Maria Vella Galea, Nigel McCarthy, Dr Lucienne Attard u Johanna Grech.

L-GħĠS tawgura lill-eżekuttiv il-ġdid tal-KOM sabiex ikompli jaħdem fuq it-tajjeb li sar fl-aħħar snin u li jaħdem aktar biex ikun rikonoxxut kif jixraqlu mill-entitajiet kollha f’pajjiżna.

L-GħĠS tirringrazzja woll lis-Segretarju Ġenerali uxxenti Joe Cassar għas-servizz li ta lill-isport Malti f’dawn l-aħħar 28 sena.

Finalment l-Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports juri d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li l-media ma ngħatatx l-aċċess xieraq biex issegwi l-andament tal-Assemblea Ġenerali ħlief għal żewġ minuti biss biex jinġibdu l-filmati qabel ma bdiet il-laqgħa. Il-Media Sportiva jixirqilha aħjar u għaldaqstant minkejja li m’hemmx speċifikament referenza għall-aċċess tal-media waqt l-Assembleji Ġenerali tal-KOM setgħet saret ‘suspension of the rules’ biex dawn jingħataw aċċess u jsegwu kollox inkluż ir-rapport amministrattiv u dak finanzjarju u anke l-għadd tal-voti nnifsu, kif wara kollox sar biex daħlu fil-kamra mill-bidu s-Sinjuri Kevin Azzoprdi u Nigel McCarthy li kkontestaw biex jifurmaw parti mill-Eżekuttiv.

L-Għaqda Ġurnalisti Sport tħares ‘il quddiem sabiex il-KOM jieħu l-passi kollha neċċessarji biex fil-futur tittranġa din is-sitwazzjoni u tħares ‘il quddiem għall-aktar kooperazjoni bejn dawn iż-żewġ entitajiet bil-għan ewlieni jkun li jissaħħaħ dejjem aktar is-settur amministrattiv tal-Isport f’ambitu demokratiku u trasparenti.