National Lottery plc u l-Għaqda Ġurnalisti Sport, bi pjaċir iħabbru li t-Tim Nazzjonali Malti tar-Rugby Sevens rebaħ it-tielet unur tal-IZIBET Elite Athlete Award għal din is-sena li jkopri x-xhur ta’ Mejju u Ġunju.
It-Tim Nazzjonali Malti tar-Rugby Sevens kiseb promozzjoni storika għar-Rugby Europe Sevens Trophy Division li hija t-tieni l-ogħla mill-ħames rankings li hemm fir-Rugby Ewropew. Dan it-tim għamel progress kbir meta tliet snin ilu kien fid-Diviżjoni Conference 2.
Fl-ewwel logħba tar-Rugby Europe Conference 1, Malta bdiet bl-iebes meta tilfet 24-17 kontra s-Serbja. Madanakollu, il-Maltin irkupraw din it-telfa u għelbu lill-Finlandja 27-10 u l-Awstrija 27-21 sabiex ġew fit-tieni post fil-grupp u għaddew għas-semifinali kontra l-Andorra. Fis-semifinali, li kienet waħda ferm missielta, il-Maltin rebħu 10-7 u aċċertaw il-promozzjoni għat-Trophy Division. B’serje ta’ plejers imweġġa’, il-Maltin ħarġu telliefa fil-finali kontra Monaco bir-riżultat aħrax ta’ 24-5.
Franco de Gabriele, Chief Commercial Officer ta’ National Lottery plc, qal: “Kburin li nippreżentaw l-unur tal-IZIBET Elite Athlete Award lit-Tim Nazzjonali Malti tar-Rugby Sevens għall-kisba eċċezzjonali tagħhom. Il-promozzjoni storika tagħhom għar-Rugby Europe Sevens Trophy Division hija xhieda tad-dedikazzjoni, id-dixxiplina, u s-saħħa dejjem tikber tar-rugby f’Malta. Fl-IZI Group, nibqgħu impenjati li nappoġġjaw l-isports lokali u niċċelebraw l-atleti Maltin li juru eċċellenza u reżiljenza fix-xena internazzjonali.”
Min-naħa tagħha, Lorraine Cunningham, Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sport sostniet, “Is-suċċess li qed jinkiseb mit-Tim Nazzjonali Malti tar-Rugby Sevens huwa suċċess li ta’ min wieħed jieħu nota tajba tiegħu. Fl-aħħar snin rajna progress enormi f’din id-dixxiplina u m’iniex sorpriża bil-promozzjoni miksuba. Dan l-unur huwa wieħed meritat mhux biss għal dak li għamlu matul din il-kompetizzjoni iżda wieħed irid jiftakar ukoll minn fejn beda dan it-tim meta sa ftit snin ilu kien fid-Diviżjoni Conference 2.”
Il-għan tal-IZIBET Elite Athlete Award huwa li jirrikonoxxi s-suċċessi miksuba mill-atleti lokali kull xahrejn.
Il-bord tal-għażla huwa magħmul minn ġurnalisti u osservaturi sportivi li se jkunu qed jevalwaw bir-reqqa il-kisbiet tal-atleti matul ix-xhur u jassiguraw li jkun hemm il-korretezza matul il-proċess kollu tal-għażla.
Ir-regolamenti tal-IZIBET Elite Athlete Award jistgħu jinkisbu minn fuq il-website tal-Għaqda Ġurnalisti Sport https://www.maltasportsjournalists.com/
Ritratt: (Mix-xellug) Brendan Dalton (Vice Captain tat-Tim Nazzjonali Malti tar-Rugby Sevens), Lorraine Cunningham (Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sport) u Jethro Zammit Randich (Captain tat-Tim Nazzjonali Malti tar-Rugby Sevens).
Leave A Comment