L-Għaqda Ġurnalisti Sports (GħĠS) bi pjaċir tħabbar li rċeviet fondi mill-iskema Small Initiative Support Scheme (SIS), amministrata mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju bl-appoġġ tal-Ministeru għall-Inkluzjoni u l-Għaqdiet Volontarji (MIV). Dawn il-fondi ġew mogħtija lill-GħĠS wara li s-sena l-oħra l-istess GħĠS irċeviet fondi mit-Training Initiative Scheme (TIS), sabiex organizzat seminar dedikat lin-nisa fil-ġurnaliżmu sportiv, li kien l-ewwel wieħed ta’ xorta tiegħu f’pajjiżna.

L-għotjiet lill-għaqdiet volontarji ġew ippreżentati mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli, miċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) Gertrude Buttigieg u mill-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandalo.

Permezz ta’ dawn il-fondi l-GħĠS se tibqa’ kommessa li tippromwovi u tagħti s-sostenn tagħha għal dawk kollha involuti fis-settur tal-ġurnaliżmu sportiv f’pajjiżna. Dawn il-fondi mis-SIS se jiġu allokati sabiex l-GħĠS torganizza seminar ieħor interessanti, din id-darba dwar il-Mobile Journalism, magħruf aħjar bħala MOJO.

Ritratt: (Mix-Xellug) Il-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandalo, il-Viċi President tal-GħĠS Clinton Buhagiar, is-Segretrju Ġenerali tal-GħĠS Lorraine Cunningham, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli u ċ-Chairperson tal-MCVS Gertrude Buttigieg.