Philippa Busuttil, li għandha 15-il sena, hija l-ewwel ġinnasta Maltija li rebħet midalja fil-Comegym Junior Mediterranean Artistic Gymnastics Championships. Dan l-avveniment prestiġjuż sar f’Istanbul, fit-Turkija bejn l-20 u t-22 ta’ Ottubru li għadda, bil-parteċipazzjoni ta’ atleti mill-Italja, t-Turkija, l-Eġittu, l-Alġerija, Ċipru u l-Ġordan.

Philippa Busuttil kellha prestazzjoni mill-aqwa fuq il-Balance Beam u kisbet il-midalja tal-fidda b’0.4 punti biss ‘il bogħod mir-rebħ tal-midalja tad-deheb.

It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Ottubru 2023 flimkien mal-voucher t’abbiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju ġew ippreżentati lil Philippa Busuttil minn Robert Micallef, Chief Commercial Officer u David Cassar, Business Development & Marketing Manager ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti l-President Sandro Micallef u l-Amministratur Stephen Azzopardi.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.

In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’imejl lil info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.

Ritratt: Mix-xellug: Stephen Azzopardi (Malta Sports Journalists Association), Philippa Busuttil, Robert Micallef (Atlas Insurance) & Robert Magro (Malta Gymnastics Federation).