Fit-training grounds ta’ Newcastle United, il-Ġimgħa filgħodu it-Team Manager Eddie Howe indirizza konferenza stampa li saret lejlet il-bidu tas-Sela Cup li hija ppreżentata minn VisitMalta.

Għal dan it-tournament se jkunu qed jieħdu sehem Newcaslte United, Nice, Villareal u Fiorentina bl-erba’ partiti jintlagħbu bejn għada s-Sibt u l-Ħadd.

Howe beda billi qal li jinsab kuntent li wara t-tour li kellhom fl-Istati Uniti issa jinsabu lura f’darhom għall-partiti tat-tmiem il-ġimgħa, dan għaliex kien ilhom ħafna ma’ jilagħbu quddiem il-partitarji tagħhom.

Mistoqsi dwar hekk hemmx xi plejers li mhux ser ikunu disponsibbli għal dan it-tournament, il-manager ta’ Newcastle qal li Joe Willock u Emil Krafth mhumiex disponibbli, filwaqt li hemm dubju dwar Fabian Schär.

Eddie Howe tkellem ukoll dwar l-akkwisti l-ġodda li saru f’dan is-suq ta’ trasferimenti. Huwa sostna li Sandro Tonali ġej minn Kampjonat differenti iżda qed jintegra fl-iskwadra b’mod tajjeb ħafna, filwaqt li Harvey Barnes huwa plejer li jaf sewwa l-futbol Ingliż iżda irid iż-żmien sabiex jaddatta wara li kienu ilu żmien twil ma’ Leicester City.

Mistoqsi mill-medja Maltija preżenti dwar x’qed jistenna mil-partiti kontra Fiorentina u Villareal, Howe tenna li kull team se joffri sfida partikolarment Fiorentina wara li dawn tal-aħħar matul l-istaġun li għadda waslu sal-finali tal-UEFA Europa League.

Matul l-istess konferenza, ġiet diskussa s-serje We Are Newcastle United, fejn Howe wera l-apprezzament tiegħu għat-tragwardi li ġew milħuqa l-istaġun li għadda, filwaqt li fuq bażi personali jippreferi li l-affarijiet tal-klabb jibqgħu miżmuma internament.

Is-Sela Cup, ippreżentata minn VisitMalta, se tibda għada s-Sibt, bl-ewwel partita tlaqqa’ lil Nice kontra Villareal fis-13.30, filwaqt li fl-16.30 Newcaslte United jilagħbu kontra Fiorentina.