Lijana Sultana ngħatat l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Settembru.

Il-plejer Maltija tal-isquash kisbet riżultat mill-aqwa meta fl-Awstralja rebħet il-Kampjonati Nazzjonali Awstraljani tat-tfajliet ta’ taħt is-17-il sena. L-Australian Junior Championships huwa l-ogħla avveniment fejn jidħlu kompetizzjonijiet nazzjonali għaż-żgħażagħ fl-Awstralja.  Madwar 200 atleta minn diversi stati u territorji minn madwar l-Awstralja kollha, ħadu sehem fil-kategoriji tal-etajiet rispettivi tagħhom.

Sabiex waslet f’Perth, fil-Punent tal-Awstralja, fejn ġew organizzati dawn il-kampjonati, Lijana kellha tieħu titjira interna ta’ 6 sigħat minn Brisbane (fejn hija allokata), li jiġi fuq ix-xaqliba l-oħra tal-Awstralja.

Għal Sultana dan huwa t-tieni titlu maġġuri minn kemm ilha qiegħda l-Awstralja Jannar li għadda, fejn qed tkompli titħarreġ fil-Bradley Hindle Art of Squash Academy. F’April rebħet l-Australian Junior Open, avveniment ieħor platinum fil-kalendarju tal-isquash fl-Awstralja.

Il-preżentazzjoni uffiċjali tat-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar u l-vawċer ta’ abbiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju ser jingħataw aktar ’il quddiem peress li Lijana tinsab barra mill-pajjiż. Intant is-Segretarju Ġenerali tal-GħĠS Lorraine Cunningham flimkien mal-Business Development & Marketing Manager ta’ Atlas Insurance David Cassar taw l-awguri tagħhom lil Lijana b’mod virtwali.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports u Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.

In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’imejl lil info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.

Ritratt 1: Lijana Sultana fl-azzjoni. (Ritratt meħud minn Squash Australia)

Ritratt 2: Lijana Sultana waqt iċ-ċerimonja tal-preżentazzjoni. (Ritratt meħud minn Squash Australia)