Kai Azzopardi ingħata l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Marzu.

Ta’ 15-il sena, huwa l-iżgħar atleta maskili li rebaħ it-titlu tal-kampjonat meta rebaħ il-Kampjonati Nazzjonali tad-Duathlon, li kienu saru f’Għawdex. It-tiġrija kienet immarkata b’kundizzjonijiet xejn faċli tat-temp li għamlu l-perkors wieħed ferm missielet. Barra minn hekk Azzopardi wera l-ħila tiegħu li jikkompeti kontra atleti tal-esperjenza b’imġieba tattika li tmur lil hemm mill-età żgħira tiegħu. Danica Bonello Spiteri, li hija l-kowċ ta’ Azzopardi irrimarkat li r-riżultat li kiseb wera l-abiltà li għandu biex jitgħallem u jisma’ t-tmexxija tagħha u kif ukoll l-impenn regolari tiegħu għat-taħriġ. Dan kollu jawgura ferm tajjeb għall-futur.

Kai Azzopardi kien l-uniku rappreżentant ta’ pajjiżna li ħa sehem f’kamp ta’ taħriġ organizzat mill-Fondazzjoni Pho3nix li sar f’Lausanne, l-Iżvizzera, fejn b’kollox ħadu sehem għoxrin żagħżugħ u żagħżugħa. Azzopardi huwa wieħed mit-triatleti li jitħarrġu ma’ Agones SFC  u l-Akkademja Maltija taż-Żgħażagħ tat-Triathlon f’dawn  l-aħħar ħames snin dejjem tatu t-titlu tat-Triatleta tas-Sena. Huwa wkoll jifforma parti mill-Malta Youth Olympic Programme. Barra minn hekk, f’Lulju li għadda, Kai ħa sehem fit-Trumer Super Sprint Distance Triathlon li saret f’Obertrum Am See fl-Awstrija, fejn temm fl-ewwel post inġenerali u fil-kategorija tiegħu.

It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Marzu 2022 flimkien mal-vawċer t’abbiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju ġew ippreżentati lil Kai Azzopardi minn Robert Micallef, Chief Commercial Officer u David Cassar Business Development & Marketing Manager ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti il-Viċi President Clinton Buhagiar u l-Amministratur Stephen Azzopardi.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.

In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’imejl lil info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.

Ritratt: Mix-xellug: Stephen Azzopardi, Amministratur (MSJA); Clinton Buhagiar, Viċi President (MSJA); Kai Azzopardi; Robert Micallef, Chief Commercial Officer (Atlas Insurance); u David Cassar, Business Development & Marketing Manager (Atlas Insurance).