Nicolai Bonello ingħata l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Frar, wara li kiseb record nazzjonali ġdid fil-pole vault b’qabża notevoli ta’ 4.35m.

Nicolai Bonello li għad għandu 16-il sena, jattendi s-Sixth Form tal-Kulleġġ De La Salle u jikkompeti mal-klabb li jirrapreżenta l-istess skola, ma’ La Salle Athletic Club. Huwa attiv ħafna sa minn età żgħira, billi pprattika diversi dixxiplini sportivi, sakemm għażel il-ġinnastika bħala l-attività prinċipali tiegħu. Huwa rebaħ ukoll il-Kampjonati Nazzjonali f’diversi oqsma. Fi tmiem is-sena 2020, irrtorna fl-atletika u ipprova jikkombina il-kapaċitajiet tiegħu fil-ġinnastika, li baqa’ jipprattika flimkien mal-atletika. B’hekk l-għażla naturali tiegħu kienet li jagħżel il-Pole Vault, fejn fi ftit ġimgħat bl-għajuna tal-kowċ Bulgaru u eks Pole Vaulter Mr Jivko Jetev, kiseb record nazzjonali ta’ taħt is-16-il sena fl-ewwel kompetizzjoni tiegħu.

Fl-2022, tefa’ ħarstu fuq ir-rekord ta’ taħt l-20 sena, dak ta’ 3.90m, li rnexxielu jilħaq fl-ewwel kompetizzjoni tal-istaġun f’Jannar. Fi Frar, fil-Kampjonati tax-Xitwa organizzati minn Athletics Malta, kiseb rekord nazzjonali ġdid b’qabza spettakolari ta’ 4.35m. Bil-qabża tiegħu kiser ir-rekord ta’ 4.25m magħmul minn Stefan Mohnani lura fl-2000. Inċidentalment, Stefan Mohnani kien ukoll taħt idejn Mr Jivko Jetev. Hekk kif dan l-atleta għadu relattivament ġdid f’din id-dixxiplina, Bonello jista’ jikseb standards ogħla f’dan l-avveniment.

L-ewwel premju għas-sena 2022 kien intrebaħ mil-long jumper Jeremy Zammit li rebaħ l-unur għax-xahar ta’ Jannar.

It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Frar 2022 flimkien mal-vawċer t’abbiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju ġew ippreżentati lil Nicolai Bonello minn Matthew von Brockdorff, Managing Director u CEO, u Robert Micallef, Chief Commercial Officer ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti il-Viċi President Clinton Buhagiar u l-Amministratur Stephen Azzopardi.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.

In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’imejl lil info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.

Ritratt: Mix-xellug: Stephen Azzopardi, Amministratur (MSJA); Clinton Buhagiar, Viċi President (MSJA); Nicolai Bonello; Matthew von Brockdorff, Managing Director & CEO (Atlas Insurance); Mario Bonello missier Nicolai u Robert Micallef, Chief Commercial Officer (Atlas Insurance).