Il-Malta Fair Play Movement ħabbar ir-raba’ TGS Malta Fair Play Award b’mod konġunt mal-Għaqda Ġurnalisti Sports u sponsorjat minn Together Gaming Solutions. Sue Abela li hija ċ-ċampjin lokali u Ewropea tat-Tenpin Bowling, ġiet unanimament approvata għal dan il-premju li jkopri l-perjodu bejn Ottubru u Diċembru tas-sena 2021.

In-nominazzjoni ta’ Sue Abela waslet wara s-suċċess li kisbet fil-Kampjonati tal-Mediterran li saru bejn l-10 us-17 ta’ Ottubru f’Pariġi, fi Franza u li huma fost l-aqwa avvenimenti internazzjonali tat-Tenpin Bowling. Abela wegħdet liż-żagħżugħ promettenti Kayden Laganà li tirregalalu l-midalja li jirnexxielha tirbaħ, sabiex iżżid fih l-entużjażmu lejn dan l-isport. Eventwalment Sue rebħet din il-midalja u żammet il-wegħda tagħha billi ppreżentatha lil Kayden Laganà.

“Aħna estremament impressjonati u ta’ min ifaħħar is-sens ta’ leadership tas-Sinjura Abela. Dan huwa ġest ta’ ispirazzjoni u li tassew jixraqlu li jkun applawdit u rikonoxxut b’dan il-Fair Play Award.” Edward Licari Direttur ta’ Together Gaming Solutions.

Il-preżentazzjoni tat-TGS Malta Fair Play Award saret l-Erbgħa 2 ta’ Frar 2022 fil-preżenza ta’ Andrea Critien mid-dipariment tal-Finanzi u r-Riżorsi Umani, Benjamin Delsinger Direttur Maniġerjali u Edward Licari Direttur ta’ Together Gaming Solutions, fl-uffiċini tagħhom f’San Ġiljan. Preżenti f’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm il-President Sandro Micallef, is-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham, l-Amministratur Stephen Azzopardi u l-membru Josef Galdes. Charles Camenzuli kien preżenti f’isem il-Malta Fair Play Movement.

Dawk li jixtiequ jinnominaw xi individwu jew tim għall-ewwel unur ta’ din is-sena, jistgħu jibagħtu n-nominazzjonijiet tagħhom b’email fuq info@maltasportsjournalists.com.