Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports (GħĠS) organizza attività f’għeluq il-50 sena anniversarju mit-twaqqif tal-għaqda, lura fl-1970. Preżenti għal din l-attività, kien hemm diversi membri tal-GħĠS, kif ukoll diversi ġurnalisti veterani, fosthom żewġ fundaturi membri Joe Cutajar u Leonard Zammit.

Fid-diskors tal-okkażjoni l-President tal-GħĠS Sandro Micallef radd ħajr lill-predeċessuri tiegħu, fl-ordni: Fr. Hilary Tagliaferro Tagliaferro l-ewwel President sa mit-twaqqif tal-GħĠS (dak iż-żmien Għaqda Kittieba Sports) lura fl-1970, kif ukoll lill-mibki iżda qatt minsi Henry Calleja li dam sittax-il sena bħala President tal-Assoċjazzjoni,  kif ukoll lill Charles Camenzuli li kien it-tielet President tal-assoċjazzjoni li tirrapreżenta lill-media sportiva f’pajjiżna.

Sandro Micallef qal illi din iċ-ċelebrazzjoni waslet wara li s-sena l-oħra kellha tkun posposta minħabba l-pandemija u għaldaqstant il-kumitat ħass il-ħtieġa li tkun organiżżata xorta waħda u jkunu onorati dawk li sawwru l-istorja tal-ġurnaliżmu sportiv f’pajjiżna.

Fid-diskors tiegħu Micallef semma lill-membri fundaturi kollha; Fr Hilary Tagliaferro l-ewwel President, Lewis Portelli li kien l-ewwel Viċi-President, Joe Cutajar l-ewwel Segretarju Ġenerali, Mario Meli li kien Assistent Segretarju Ġenerali dak iż-żmien, Antonio Castagna l-ewwel Tezorier u l-membru Tommy Farrell, li flimkien sawwru l-bidu tal-Għaqda fid-19 ta’ Diċembru tal-1970.

F’din l-istess attività, il-President tal-AIPS Europe Charles Camenzuli wassal l-awgurju tiegħu f’isem l-assoċjazzjonijiet tal-Ġurnaliżmu Sportiv madwar l-Ewropa u ppreżenta plakka kommemorattiva f’isem l-AIPS Europe lill-Għaqda Ġurnalisti Sports.

Fi tmiem is-serata, is-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham ippreżenetat midalji kommemorattivi lil dawk kollha illi għamlu 25 sena servizz fil-ġurnaliżmu sportiv.

Fost il-mistiedna tal-Għaqda Ġurnalisti Sports għal din l-attivita’ kien hemm preżenti l-ogħla uffiċjali tal-Kumitat Olimpiku Malti u ta’ SportMalta kif ukoll diverai Presidenti u Segretarji Ġenerali ta’ diversi assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi.