Francesca Curmi (Tennis) u Sasha Gatt (Għawm) ġew mogħtija t-trofej tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar, wara li kienu impenjati fl-impenji sportivi tagħhom, barra minn xtutna.

Francesca Curmi li għandha dsatax-il sena kienet ingħatat l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Frar. Curmi kellha prestazzjoni fl-ITF Tournament li kien sar f’Monastir, fit-Tuneżija, wara li kontra kull mistenni u meta lagħbet kontra avversarji aħjar minnha, hija kisbet sitt rebħiet u waslet saħasnsitra fil-finali, nhar il-Ħadd 28 ta’ Frar. Francesca saret l-ewwel plejer tat-tennis Maltija li waslet fil-finali. Sfortunatament fil-finali hija kienet sfat megħluba mill-avversarja Polakka.

Sasha Gatt ta’ sittax-il sena ingħatat l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Ġunju, wara li kisbet ħin ta’ 4:18.58 fl-400m freestyle, fejn tejbet b’ħames sekondi l-ħin preċedenti tagħha stess ta’ 4:23.33 fi Frar li għadda. L-għada li kisbet dan is-suċċess, hija kisret rekord nazzjonali tagħha stess fit-800m freestyle b’ħin ta’ 8:52.22. Ir-rekord preċedenti f’Marzu li għadda kien ta’ 8:58.88. Dawn iż-żewġ rekords misuba minn Gatt huma wkoll meqjusa bħala age group records. Hija kienet l-iżgħar atleta fil-kontinġent Malti li ħa sehem fl-aħħar Olimpjadi li saru f’Tokjo f’Lulju li għadda.

It-trofej tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar flimkien mal-abbiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju ġew ippreżentati lil Francesca Curmi u Sasha Gatt minn Matthew von Brockdorff, Managing Director u Chief Executive Officer ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kienu preżenti wkoll għall-preżentazzjoni l-President Sandro Micallef, is-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham u l-Amministratur Stephen Azzopardi.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance.