Il-President flimkien mal-membri kollha tal-Għaqda Ġurnalisti Sport jesprimu s-sogħba tagħhom għall-mewt ta’ Louis Borg, eks President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Basketball u eks Viċi President tal-Kumitat Olimpiku Malti (KOM). Huwa kien ukoll Direttur Tekniku tal-KOM f’diversi edizzjonijiet tal-Olimpjadi u l-Logħob tal-Mediterran. Huwa miet fl-età ta’ 85 sena.

Fil-basketball, hu kien wieħed mill-fundaturi tal-Assoċjazzjoni. Borg kien il-bniedem li introduċa l-logħob tal-FISEC f’pajjiżna fl-1967.

Sas-sena li għaddiet, Louis Borg kien jokkupa l-kariga ta’ President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Handball fejn kien hu stess kien il-fundatur ta’ din l-Assoċjazzjoni. Hu dam jokkupa din il-kariga għal 25 sena.

Louis Borg kien ukoll senior lecturer fl-Università ta’ Malta u kien l-ewwel Direttur tal-Akkademja tal-Edukazzjoni Fiżika.

Il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti Julian Pace Bonello u Andrew Decelis, Direttur tal-Istitut tal-Edukazzjoni Fiżika u Sport fi ħdan l-Università ta’ Malta u li ħadem miegħu għal diversi snin, kienu minn tal-ewwel li bagħtu l-kondoljanzi lill-familja Borg.