L-għawwiema żagħżugħa Mya Azzopardi hija r-rebbieħa tal-ATLAS Atleta tax-Xahar għal Marzu. Azzopardi, li għad għandha 18-il sena, rebħet dan l-unur wara l-wirjiet tagħha fil-kompetizzjonijiet internazzjonali Turkcell li kienu organizzati mill-Federazzjoni tal-Għawm Torka.

Azzopardi waqqfet rekords nazzjonali ġodda fil-200 u 400 metru freestyle, kif ukoll fil-100 u 400 metru individual medley.

Fil-200 metru freestyle, Azzopardi tejbet il-ħin tagħha b’0.28 ta’ sekonda, biex waqqfet rekord ġdid ta’ 2:06.48.

Fl-400 metru individual medley, Azzopardi tejbet ir-rekord ta’ Francesca Falzon Young bi ftit aktar minn 19-il sekonda. Falzon Young kienet għamlet ħin ta’ 5:16.36 fl-2016, f’Dubaj, b’Azzopardi jirnexxilha tinżel taħt il-ħames minuti meta għamlet ħin ta’ 4:57.75.

Fil-100 metru individual medley, Mya Azzopardi tejbet il-ħin tagħha stess li kien waqqfet f’Żagreb fl-2017m b’0.22 ta’ sekonda, biex għamlet ħint ta’ 1:05.54.

Fl-400 metru freestyle, Azzopardi wkoll tejbet il-ħin tagħha li kienet għamlet f’Jannar tas-sena li għaddiet f’Ruma bi ftit aktar minn 2 sekondi. Fit-Turkija hija għamlet ħin ta’ 4:21.37.

It-trofew tal-ATLAS Atleta tax-Xahar ser jingħata lil Mya Azzopardi meta tirritorna lura f’pajjiżna għaliex bħalissa qed titħarreġ barra minn xtutna.