Iż-żagħżugħ Kayden Lagana li jipprattika t-Ten Pin bowling ġie magħżul bħala l-Atlas Youth Athlete għax-xahar ta’ Jannar.  Ir-riżultati li rnexxielu jakkwista Lagana matul l-ewwel xahar tas-sena wasslu lil panel magħmul minn tliet ġurnalisti tal-isport lokali sabiex jiddikjarawh ir-rebbieħ ta’ dan l-unur prestiġġjuż.

Kayden Lagana kiseb id-dritt li jirrappreżenta lil Malta fil-Kampjonat tal-Mediterran tat-Ten Pin bowling li se jsir f’Pariġi aktar tard din is-sena wara li rnexxielu jirbaħ il-kategorija tal-irġiel fit-tournament kwalifikattiv organizzat mill-MTBA.

Ta’ 13 il-sena Kayden huwa l-iżgħar atleta li qatt se jikkompeti f’dan il-Kampjonat internazzjonali tal-Mediterran.

Dan ir-riżultat ifisser ukoll li Kayden Lagana se jkun qed jifforma parti mit-tim Malti għall-kampjonati Ewropej li wkoll isiru aktar tard din is-sena.

Dan kien l-ewwel unur għal din is-sena fejn l-Atlas Insurance jippremjaw atleti żagħżagħ taħt il-21 sena b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Ġurnalisti Sport liema kollaborazzjoni ġiet estiża għat-tieni sena konsekuttiva.

It-trofew flimkien mal-voucher li jissarraf f’abbiljament sportiv minn ħanut ta’ l-għażla tal-atleta ġew ippreżentati lil Kayden Lagana mis-Sur David Cassar Business Development Manager ta’ Atlas Insurance fil-preżenza ta’ Robert Micallef Chief Commercial Officer ta’ Atlas Insurance u Lorraine Cunningham Segretarja Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports.

Min jixtieq jinnomina xi atleta żagħżugħ jew żagħżugħa għal dan l-unur jista’ jagħmel dan billi jibgħat l-informazzjoni b’email fuq info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit elettroniku www.maltasportsjournalists.com