Il-Ġinnasta promettenti Maltija Tara Vella Clark ġiet magħżula bħala r-rebbieħa tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Diċembru 2020. Dan l-unur tnieda f’Jannar tas-sena l-oħra b’inizjattiva konġunta bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sports u Atlas Insurance.

Tara Vella Clark spikkat fix-xahar ta’ Diċembru wara li temmet fit-tmien post fil-fażi finali tal-beam waqt il-Kampjonat Ewropew tal-Ġinnastika Artistika li sar f’Mersin fit-Turkija. B’dan ir-riżultat hi saret l-ewwel atleta Maltija li rnexxielha tikkwalifika għall-fażi finali ta’ kompetizzjoni dinjija f’dan l-Isport.

Waqt ir-rutina tagħha, Vella Clark ipproduċiet prestazzjoni mill-aqwa fuq il-beam. Hi kisbet riżultat impressjonanti ta’ 12.200 li wassalha sar-raba’ post fil-klassifika proviżorja u assiguraha minn post fil-finali.

Eventwalment, Vella Clark kisbet skor ta’ 9.350 li ħallieha fit-tmien post tal-klassifika finali, riżultat li xorta jfisser l-aqwa wieħed li Malta qatt kisbet fil-Kampjonati Ewropej. Ir-Rumena Ana Barbosu rebħet il-midalja tad-deheb bi skor ta’ 13.100 qabel Greta Mayer tal-Ungerija u Andreea Preda tar-Rumanija wkoll.

Dan ir-riżultat pożittiv isegwi dawk miksuba aktar kmieni matul l-2020. Tara Vella Clark ikkompetiet b’suċċess fit-Tazza Stella Zakharova fl-Ukrajna kif ukoll fil-fażi finali tal-vault u l-balance beam waqt il-Kampjonati tal-Meditterran fl-Italja. Hi wkoll rebħet it-titlu all-around ta’ Kategorija II u l-finali ta’ Laza Krstic u Marica Dzelatovic Memorial fis-Serbja filwaqt li spiċċat fir-raba’ post fit-Tazza l-Qadima ta’ Trnava fis-Slovakkja.

Il-preparazzjoni għall-Kampjonati Ewropej kienu bdew bir-raba’ post all-around u l-ewwel post fil-vault u l-balance beam fit-Tiger Cup fil-Latvja f’Marzu li għadda. Dan kien it-12-il unur li ngħata lil atleta żagħżugħ jew żagħżugħa f’dan l-unur li jirrikonoxxi l-isforzi tal-atleti żgħażagħ Maltin.

Ir-rebbieħa l-oħra għas-sena 2020 kienu dawn:

Rachela Pace (Atletika) Jannar 2020, Dejan Grech (Pool) Frar 2020, Tenishia Thornton (Weightlifting) Marzu 2020, Jake Vella (Għawm) April 2020, Thomas Borg (Para-għawm) Mejju 2020, Matthew Magro (Tenpin Bowling) Ġunju 2020, Richard Schultheis (Ibburdjar) Lulju 2020, Sacha Gatt (Għawm), Awwissu 2020, Kayden Lagana (Tenpin Bowling) Settembru 2020, Haley Bugeja (Futbol) Ottubru 2020, Tenishia Thornton (Weightlifting) Novembru 2020.

Fil-jiem li ġejjin, l-Għaqda Ġurnalisti Sports u Atlas Insurance se jikkomunikaw b’mod uffiċjali il-metodu ta’ kif se jintrebaħ l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ/a tas-Sena b’sejħa lill-pubbliku ġenerali biex jivvutaw għall-atleta preferut tagħhom.

It-trofew għall-unur ta’ Diċembru l-voucher marbut ma’ dan l-unur ġew preżentati lil Tara Vella Clark minn Matthew von Brockdorff, Managing Director and Chief Executive Officer Atlas Insurance. Preżenti wkoll, il-President u s-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Sandro Micallef u Lorraine Cunningham rispettivament.