Il-Weightlifter ta’ 15 -il sena Tenishia Thornton ġiet dikjarata rebbieħa tal-11 -il unur tas-sena tal-Atlas Żagħżugħ tax-Xahar għal Novembru 2020. Dan kien it-tieni unur simili li rebħet din l-atleta hekk kif kienet rebħet ukoll l-unur tax-xahar ta’ Marzu.

Thornton kellha dak li jista’ jitqies bħala l-iktar riżultat prestiġjuż sa issa fil-karriera tagħha hekk kif ikklassifikat fit-tielet post fit-Tazza tad-Dinja ta’ taħt is-17-il sena tal-IWF. Minħabba l-pandemija tal-Covid-19, din il-kompetizzjoni ġiet organizzata b’mod virtwali, b’Thornton tikseb l-ewwel midalja għal Malta f’dan il-livell f’dan l-isport. Thornton taħt il-gwida tal-kowċ tagħha Jesmond Caruana, kienet it-tieni l-iżgħar kompetitriċi minn total ta’ 17-il weightlifter li kkompetew f’dan il-kampjonat.

Hi refgħet total ta’ 71 kilo fis-snatch wara li għamlet b’suċċess it-tliet tentattivi tagħha. Fil-clean and jerk, Thornton refgħat 80 kilo fl-ewwel tentattiv, falliet it-tieni tentattiv ta’ 84 kilo iżda għalqet bl-aħjar mod hekk kif refgħat il-piż li falliet ftit minuti qabel.

B’hekk iż-żagħżugħa Maltija spiċċat fit-tieni post fis-snatch wara Arriaga Velez tal-Messiku u qabel Karoll Alvarez Lopez tal-Kolombja. Għalkemm ma spiċċatx mal-ewwel tlieta fil-clean and jerk, ir-riżultati akkumulattivi miksuba kienu biżżejjed biex finalment Thornton ikklassifikat fit-tielet post overall b’total ta’ 155 kilo. Il-Kampjonat intrebaħ minn Velez b’total ta’ 159 kilo, b’Lopez issegwi b’156 kilo.

Dan kien il-11 -il unur li ngħata lill-atleta żagħżugħ u żagħżugħa lokali f’din l-inizjattiva konġunta bejn Atlas Insurance u l-Għaqda Ġurnalisti Sports. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tirrikonoxxi s-sagrifiċċji li jagħmlu l-atleti żgħażagħ kemm lokalment u anke internazzjonalment u tinkoraġġihom biex jibqgħu jittrenjaw b’serjeta’ u b’dedikazzjoni fid-dixxiplini rispettivi tagħhom.

Ir-rebbieħa tax-xhur preċedenti ta’ dan l-unur kienu:

Rachela Pace (Atletika)  Jannar 2020, Dejan Grech (Pool) Frar 2020, Tenishia Thornton (Weightlifting) Marzu 2020, Jake Vella (Għawm) April 2020,  Thomas Borg (Għawm Paralimpiku) Mejju 2020, Matthew Magro (Tenpin Bowling) Ġunju 2020, Richard Shulthies (Ibburdjar) Lulju 2020, Sacha Gatt (Għawm) Awwissu 2020, Kayden Lagana (Tenpin Bowling) Settembru 2020 u Haley Bugeja (Football) Ottubru 2020.

Ta’ kull xahar l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance tistieden atleti ta’ taħt il-21 sena, l-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet tagħhom sabiex jissottomettu nominazzjonijiet għal dan l-unur. Nominazzjonijiet jistgħu jsiru permezz tal-email fuq info@maltasportsjournalists.com.

It-trofew ta’ Novembru tal-Atlas Żagħżugħa tax-Xahar flimkien mal-voucher ta’ abbiljament sportiv li hu abbinat ma’ dan l-unur dan ix-xahar kienu ippreżentati lil Thornton minn David Cassar Manager – Business Development & Marketing ta’ Atlas Insurance. Sandro Micallef u Lorraine Cunnigham President u Segretarju Ġenerali rispettivament tal-Għaqda Ġurnalisti Sports kienu wkoll preżenti.