Il-baħħar żagħżugħ Richard Schultheis rebaħ l-unur tal-‘Atlas Youth Athlete of the month’ għax-xahar ta’ Lulju 2020. Schultheis intgħażel bħala r-rebbieħ ta’ dan l-unur wara r-riżultati eċċezzjonali li kellu tul ix-xahar ta’ Lulju fejn rebaħ waħda mill-aktar kompetizzjonijiet ta’ prestiġju organizzati mill-Federazzjoni Taljana tal-Ibburdjar. Din kienet l-ewwel kompetizzjoni tal-istaġun wara li tkomplew il-kompetizzjonijiet tal-Ibburdjar ta’ din il-kategorija wara l-kriżi tal-pandemija COVID-19 fil-perjodu bejn Frar u Mejju.

Richard Schultheis li ġej minn familja ta’ baħħara u skippers ta’ esperjenza ddomina f’din ir-Regatta li saret fiċ-Circolo Vela Arco fil-kategorija 29er.

Wara għaxar provi f’riħ il-ħin kollu jvarja minn jum għall-ieħor, Richard Schultheis li għad għandu 15-il sena, wera li hu kien se jimmira għall-podju hekk kif beda jiddomina ġurnata wara l-oħra. Flimkien mal-pruwier Max Koerner, Schultheis rebaħ b’distakk ta’ 22 punt fuq il-koppja Marco Corrado u Matteo Catalano ta’ Centro Vela Bari mill-Italja.

Dan kien suċċess li kellu sinifikat importanti u partikolari għall-familja Schulthies u għal Malta Young Sailors Club għaliex oħt Richard, Antonia Schultheis ukoll telgħat fuq il-podju bit-tielet post fl-istess kategorija 29er.  Antonia Schultheis ikkompetiet flimkien mal-pruwwa Ole Ulrich.

B’kollox f’din il-kompetizzjoni internazzjonali ħadu sehem xejn anqas minn 60 kompetitur minn tmien pajjiżi Ewropej – Malta, Italja, Awstrija, Ġermanja, Republika Ċeka, Olanda, Żvezja u Polonja.

Dan kien is-seba’ unur li ingħata lill-atleta żagħżugħ lokali f’din l-inizjativa konġunta bejn Atlas Insurance u l-Għaqda Ġurnalisti Sports. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tirrikonoxxi s-sagrifiċċji li jagħmlu l-atleti żgħażagħ u tinkoraġġihom biex jibqgħu jittrenjaw b’serjeta’ fid-dixxiplini rispettivi tagħhom.

Ir-rebbieħa tax-xhur preċedenti ta’ dan l-unur kienu:

Rachela Pace (Atletika) – Jannar 2020, Dejan Grech (Pool) – Frar 2020, Tenishia Thornton (Weightlifting) – Marzu 2020, Jake Vella (Swimming) – April 2020, Thomas Borg (Para swimming) – Mejju 2020 u Matthew Magro (Tenpin Bowling) – Ġunju 2020.

Ta’ kull xahar l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance tistieden atleti ta’ taħt il-21 sena, l-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet tagħhom sabiex jissottomettu nominazzjonijiet għal dan l-unur. Nominazzjonijiet jistgħu jsiru permezz tal-email fuq info@maltasportsjournalists.com.

It-trofew ta’ Lulju tal-Atlas Youth Athlete of the Month flimkien mal-voucher ta’ abbiljament sportiv li hu abbinat ma’ dan l-unur dan ix-xhar ma setax ikun preżentat fiżikament lil Richard Schultheis peress li dan l-atleta għadu jinsab barra minn Malta hekk kif wara l-kompetizzjoni fl-Italja kellu żewġ impenji oħra fil-Ġermanja f’Regatti internazzjonali simili.