MFA GhGS 2nd April 2014Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports għamel żjara ta’ korestija  lill-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo ftit jiem biss qabel l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Football issir iċ-ċentru tal-attenzjoni fil-football ewropew bl-organizazzjoni tal-kampjonat tal-UEFA ta’ taħt is-17 -il sena.

F’din il-laqgħa d-delegazzjoni tal-Għaqda Gurnalisti Sports immexxija mill-President Charles Camenzuli estendiet l-awguri tagħha lill-MFA lejliet it-tlugħ uffiċjali tal-poloz ta’ din il-kompetizzjoni tant prestigjuza u awgurat kull suċċess fl-organizazzjoni ta’ dan il-kampjonat.

Charles Camenzuli tenna li jinsab persważ li l-ġurnalisti tal-isport jifhmu l-importanza ta’ dan l-avveniment hekk kbir u se jkunu qedgħin joffru l-għajnuna kollha u jagħtu appoġġ u koperazzjoni meħtiega għal dak li huwa meqjus bħala l-akbar avveniment ta’ sport f’pajjiżna għal din is-sena.

Il-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo minn naħa tiegħu rringrazzja  lill-Għaqda Ġurnalisti Sports ta’ din iż-żjara ta’ kortesija. Hu rrimarka li dan il-kampjonat tal-UEFA ta’ taħt is-sbatax -il sena hu l-ikbar avveniment internazzjonali li l-UEFA qatt afdat lill-MFA bih minn meta pajjiżna issieħeb fil-UEFA.

Darmanin Demajo rringrazzja lill-ġurnalisti tal-Isports rappreżentati mill-GħĠS tas-servizz li jagħtu lill-football lokali u lill-isport ġenerali.

Fil-laqgħa li saret fil-kwartieri ġenerali tal-MFA, ġew diskussi diversi materji oħra marbuta mal-ħidma tal-ġurnalisti tal-isport waqt ix-xogħol tagħhom fid-diversi kampjonati li torganizza l-MFA fosthom iżda mhux biss is-sistema tal-akkreditazzjoni, is-sistema tal-għażla tal-player tas-sena tal-MFA, is-sistema tal-għażla tal-player tal-partita, faċilitajiet fl-Istadia b’mod partikolari fil-Victor Tedesco Stadium u temi oħra.

Il-laqgħa saret fil-preżenza tal-għola uffiċjali tal-MFA fosthom il-Kap Eżekuttiv  Bjorn Vassallo, t-tliet Viċi Presidenti, s-Segretarju Ġenerali u t-Teżorier tal-Assoċjazzjoni.

Id-delegazzjoni tal-Għaqda Ġurnalisti Sports kienet magħmula wkoll mis-Segretarju  Ġenerali Sandro Micallef, u l-ufficjali Antoine Dalli, Clinton Buhagiar u Henry Brincat.