Chris AgiusIl-Kumitat Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports jifraħ lill-Onorevoli Chris Agius għall-ħatra tiegħu bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mir-Riċerka, Innovazzjoni Żgħażagħ u Sport.

L-Eżekuttiv tal-GħĠS laqa’ b’sodisfazzjon il-ħatra tas-Sur Agius u jinsab persważ li l-esperjenza tiegħu bħala amministratur u President ta’ Club tal-Football lokali se tgħinu fil-ħidma tiegħu favur l-Isport Malti.

L-Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports hu tal-opinjoni li l-perjodu li hu għamel bħala kelliem għall-Oppożizzjoni dwar l-Isport se jgħin ukoll sabiex issa li hu f’din il-pożizzjoni jifhem aħjar is-sitwazzjoni tal-Isport Malti u jieħu deċiżjonijiet fl-interess tad-diversi atleti, uffiċjali, assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi lokali.

Permezz ta’ din l-istqarrija l-Għaqda Ġurnalisti Sports tixtieq ukoll tirringrazzja lil Dr. Stefan Buontempo li serva fl-aħħar sena fl-istess kariga u tirringrazzjaħ tax-xogħol siewi li għamel favur l-Isport lokali. L-GħĠS tirringrazzja wkoll lil Dr Buontempo li sa mill-ewwel jiem fil-kariga dejjem ikkopera bis-sħiħ mal-GħĠS l-entita’ li tirrapreżenta l-ġurnalisti tal-Isport f’Malta.

Finalment l-Għaqda Ġurnalisti Sports tawgura ħidma sfieqa u fejjieda fid-dekasteri l-ġodda rispettivi kemm għall-Onorevoli Chris Agius kif ukoll lill-Onorevoli Stefan Buontempo.