GHGS Commentators

Mhux sew li l-kummentaturi jintefgħu kollha f’keffa waħda

L-Għaqda Ġurnalisti Sports bħala l-għaqda ewlenija li tħares id-drittitijiet tal-ġurnaisti tal-isport f’pajjiżna tagħmel referenza għad-deċizjoni tal-Public  Broadcasting Services – PBS li se tkun qed ixxandar il-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja 2014 bil-kummentarji bil-lingwa Ingliża u għall-kummenti li segwew fuq il-media lokali minn diversi nies li kkritikaw din id-deċizjoni jew ikkritikaw lill-kummentaturi Maltin li fil-passat għamlu kummentarji ta’ partiti bil-Malti fuq il-PBS.

L-Għaqda Ġurnalisti Sports tixtieq turi s-solidarjeta’ tagħha ma’ dawk il-ġurnalisti u kummentaturi sportivi li kkumentaw logħbiet bil-Malti fuq il-PBS u li kellhom aspirazzji u kienu ħerqana li jikkumentaw il-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja 2014 u ħassewhom iddiżappuntati b’din id-deċizjoni.

Minkejja dan, l-GħĠS tifhem u tirrispetta d-deċizjoni tal-PBS u tieħu din l-okkazzjoni sabiex tirringrazzja lill-istazzjon nazzjonali talli għall-edizzjoni oħra se jerġa’ jkun qed iwassal fid-djar tal-Maltin il-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja mingħajr ħlas.

Fl-istess waqt l-Għaqda Ġurnalisti Sports tiddisassoċja ruħha mal-kummenti dispreġjattivi li deheru f’xi sezzjonijiet tal-Istampa u fuq is-Social Media fil-konfront tal-kummentaturi Maltin minn armchair critics li kkritikaw il-kummentaturi Maltin li fl-opinjoni tagħhom kienu fqar fil-kwalita’ tal-kummentarju fil-passat. Ħasra iżda li dawn poġġew lil gurnalisti u l-kummentaturi kollha f’keffa waħda.

Ta’ min jinnota li mhiex l-ewwel darba li l-GħĠS ġibdet l-attenzjoni ta’ xi kummentaturi b’mod individwali dwar il-kwalita’ tal-kummentarju iżda dawn kienu biss każi iżolati, minħabba l-fatt li maġġoranza tal-membri tal-GħĠS li jagħmlu dan ix-xogħol jagħmlu dan b’responsabilita’ u b’dedikazzjoni kbira.

L-Għaqda Ġurnalisti Sports tisħaq li membri tagħha ma’ jirritaljawx fil-media b’xi forma ta’ kumment għal din il-kritika mill-pubbliku u tħeġġeġ lil kull ġurnalist u kummentaturi bħal dejjem iħejji ruhu fil-qadi ta’ dmirijietu kemm jekk rappurtaġġ u kummentarju bl-aqwa mod kemm għall-partiti internazzjonali kif wkoll partiti ta’ kompetizzjonijiet f’pajjiżna.