Swieqi Phoenix Handball u Philippa Busuttil huma r-rebbieħa tal-Atlas Atleti Żgħażagħ tax-Xahar għal Marzu 2025
It-timijiet tal-U15 u tal-U17 ta’ Swieqi Phoenix Handball, flimkien mal-ġinnasta Philippa Busuttil, huma r-rebbieħa tal-Atlas Atleti Żgħażagħ tax-Xahar ta’ Marzu. It-tfajliet ta’ taħt il-15 u s-17-il sena ta’ Swieqi Phoenix Handball rebħu l-kompetizzjonijiet knock out rispettivi tagħhom u saru l-ewwel żewġ timijiet mill-istess klabb li rebħu dan l-unur. It-tim ta’ taħt il-15-il sena fil-finali għeleb lil Kavalieri Handball Club 20-9. It-tim ta’ taħt is-17-il sena kiseb it-tieni success f’dan l-istaġun meta fil-finali għeleb lill-istess Kavalieri 19-10. Ta’ min jgħid li t-tim ta’ taħt is-17-il sena ta’ Swieqi Phoenix Handball kienu ġew iddikjarati Champions tal-Kampjonat Nazzjonali fi Frar li għadda. Intant is-Sibt u l-Ħadd li għadda, iż-żewġ timijiet rebħu s-Super Cup u għal darb’oħra kontra Kavalieri. Min-naħa l-oħra, Philippa Busuttil li għandha 16-il sena, u rebħet dan l-unur f’Ottubru tal-2023, kisbet it-tielet l-aħjar punteġġ fil-beam waqt il-Campionato A2 Ginnastica Artistica, fl-Italja. Il-ġinnasta żagħżugħa Maltija ħadet sehem f’din il-kompetizzjoni prestiġġjuża internazzjonali [...]

