L-Għaqda Ġurnalisti Sport (GħĠS) bi pjaċir tħabbar il-ħatra ta’ Paul Cachia bħala l-Viċi President tagħha. Dan wara li kien hemm qbil unanimu mill-membri kollha eletti tal-Kumitat Ezekuttiv waqt l-ewwel laqgħa li saret ilbieraħ.

Cachia li ġab l-aktar ammont ta’ voti mill-membri preżenti waqt il-Laqgħa Annwali Ġenerali li saret il-ġimgħa l-oħra, għandu warajh 30 sena esperjenza fil-ġurnaliżmu sportiv. Huwa jikteb regolarment fit-Times of Malta u huwa wieħed mill-kummentaturi tal-logħbiet tal-Malta Premier League.

Fl-irwol ġdid tiegħu, Cachia se jkun qed jassisti lill-President u lill-Kumitat Eżekuttiv sabiex tissaħħaħ il-ħidma tal-Għaqda, iġib il-quddiem l-etika fil-ġurnaliżmu sportiv u jsaħħaħ ir-relazzjonijiet fi ħdan il-komunità sportiva.

L-GħĠS tawgura lil Paul Cachia u tħares ‘il quddiem sabiex tgawdi mill-esperjenza u d-dedikazzjoni li għandu x’joffri.