Antvin Monseigneur ġie elett bħala l-President il-ġdid tal-Għaqda Ġurnalisti Sport wara li rebaħ l-elezzjoni interna mal-l-kandidata l-oħra għal din il-kariga, Lorraine Cunningham, bi 33 vot kontra 30. Is-Sinjura Cunningham kienet ilha tokkupa l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali sa mis-sena 2018.
Il-votazzjoni saret il-Ħamis filgħaxija waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali elettiva tal-Għaqda.
Monseigneur se jieħu post Clinton Buhagiar li kien appuntat President f’dawn l-aħħar xhur wara r-riżenja ta’ Sandro Micallef minn din il-kariga s-sena l-oħra.
Matul din il-Laqgħa Ġenerali Annwali attendew 64 membru minn total ta’ 113-il persuna li huma membri mħallsa tal-GħĠS.
Joanna Camilleri ġiet eletta bħala Segretarju Ġenerali filwaqt li Stephen Azzopardi ġie elett bħala Teżorier.
Is-sitt membri l-oħra eletti fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Għaqda kienu Paul Cachia, Maria Vella Galea, Carlos Gauci, Matthew Vassallo, Sandro Micallef u Josef Galdes. L-uffiċjali u l-membri tal-kumitat eżekuttiv se jservu għal mandat ta’ erba’ snin li jintemm f’Awwissu 2029.
Ir-riżultati uffiċjali tal-elezzjoni kienu hekk:
President
- Lorraine Cunningham – 30 vot
- Antvin Monseigneur – 33 vot
Segretarju Ġenerali
- Joanna Camilleri – 39 vot
- Christopher L. Francalanza – 25 vot
Teżorier
- Stephen Azzopardi – 39 vot
- Mark Muscat – 25 vot
Kumitat Eżekuttiv (għandhom jintgħażlu 6)
- Stephen Azzopardi – 46 vot
- Paul Cachia – 49 vot
- Simon Farrugia – 33 vot
- Josef Galdes – 37 vot
- Carlos Gauci – 43 vot
- Sandro Micallef – 39 vot
- Matthew Vassallo – 40 vot
- Maria Vella Galea – 46 vot
Il-Laqgħa Ġenerali Annwali ġiet fi tmiemha permezz tal-preżentazzjoni u l-approvazzjoni tar-Rapport Amministrattiv u dak Finanzjarju.
Il-President il-ġdid Antvin Monseigneur rringrazzja lil dawk li urew fiduċja fih. Huwa wiegħed ukoll li se jirrappreżenta u jagħti s-saħħa lill-ġurnalisti sportivi kollha f’Malta u f’Għawdex, inkluż dawk li ma vvutawlux.
F’kitba fuq Facebook dalgħodu Monseigneur qal: “Li nkun elett President tal-Għaqda Ġurnalisti Sport huwa kemm unur kif ukoll responsabbiltà kbira. Lil dawk li emmnu fija u tawni l-fiduċja tagħhom, grazzi. Lil dawk li ma vvutawliex, xorta nirringrazzjakom, għax id-dubju tagħkom se jagħtini l-qawwa u d-determinazzjoni biex naħdem aktar. Kull pass fil-ħajja jġib miegħu lezzjoni, u dan il-vjaġġ għallimmni iktar milli kont nistenna. Issa ġie elett tim b’saħħtu, u ħerqan biex naħdmu flimkien, b’impenn u determinazzjoni, għall-ġid tal-membri kollha tagħna u għall-ġurnaliżmu sportiv.”
Nota: Antvin Monseigneur huwa s-sitt President fl-istorja tal-Għaqda Ġurnalisti Sport ta’ Malta li twaqqfet fl-1970. Il-persuni preċedenti li servew f’din il-kariga kienu dawn:
Fr Hilary Tagliaferro 1970 – 1986
Henry Calleja 1987 – 2003 (miet fl-2018)
Charles Camenzuli 2003 – 2016
Sandro Micallef 2016 – 2024
Clinton Buhagiar 2024 – 2025
Ritratt: Il-Membri tal-Kumitat Eżekuttiv 2025-2029
Leave A Comment