Gesred Borg huwa r-rebbieħ tat-TGS Fair Play Award li jkopri l-perjodu bejn April u Ġunju 2025.

Dan il-premju ta’ kull tliet xhur huwa mogħti mill-Għaqda Ġurnalisti Sport flimkien mal-Malta Fair Play Movement, b’kollaborazzjoni ma’ Together Gaming Solutions. Dan il-premju huwa intiż għal dawk fil-qasam tal-isport kemm fuq livell individwali jew bħala tim għall-ġest altruwistiku ta’ fair play f’kompetizzjoni/ijiet uffiċjali jew le.

Waqt it-Tour ta’ Malta li sar bejn l-24 u s-27 ta’ April 2025, Gesred Borg, ċiklist dedikat u ta’ suċċess fil-kategorija Masters ma’ Team Greens, wera ġest kbir ta’ sportività u ġenerożità.

Waqt it-tieni stadju, fil-perkors diffiċli ta’ San Martin, Gesred kien qed iżomm postu fuq quddiem tat-tiġrija b’ċans kbir li jkollu tmiem mill-aqwa. Għaldaqstant fid-dawra ta’ qabel tal-aħħar fit-telgħa wieqfa ta’ San Martin, huwa ra lil sieħbu Joaquin Rojas, li kien jinsab fit-tieni post fil-klassifika ġenerali, bi problemi fuq wara tar-rota u li ma kinitx tinstaq aktar.

Minnufih Gesred waqaf f’nofs it-tellieqa u kien pront li ta r-rota tiegħu lil Joaquin ħalli jkun jista’ jkompli u jiddefendi postu fit-Tour ta’ Malta. B’dan il-ġest straordinarju Gesred issagrifika ċ-ċans li kellu biex jikseb riżultat personali, minkejja li kien tħarreġ ferm, sabiex sieħbu fit-tim eventwalment sab postu fuq il-podju.

Ġest li juri l-aqwa valuri fiċ-ċikliżmu u fl-isport in ġenerali.

Min-naħa tiegħu, Edward Licari Direttur ta’ Together Gaming Solutions qal, “Dan huwa ġest ta’ sportività li ħaqqu jkun imfaħħar u rikonoxxut. Tassew li f’dak li għamel jispikkaw l-irġulija u l-ogħla valuri etiċi. Prosit Gesred!”

Il-preżentazzjoni tat-TGS Fair Play Award saret fl-uffiċini ta’ Together Gaming Solutions, fil-preżenza ta’ Edward Licari Direttur ta’ Together Gaming Solutions, Charles Camenzuli f’isem il-Malta Fair Play Movement, filwaqt li għall-Għaqda Ġurnalisti Sport kien hemm is-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham.

Individwi, timijiet, jew uffiċjali jistgħu jikkomunikaw mal-Għaqda Ġurnalisti Sport u mal-Malta Fair Play Movement biex jirrapurtawlhom att ta’ fair play billi jibagħtu email fuq info@maltasportsjournalists.com, sabiex dan il-ġest ikun ikkunsidrat.

Ritratt: Lorraine Cunningham (Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports), Edward Licari (Direttur ta’ Together Gaming Solutions) Gesred Borg u Charles Camenzuli (Chairman Malta Fair Play Movement).