minn Pamela Schembri fi Stamford Bridge, Londra

Fl-ewwel logħba mill-VisitMalta Weekender li qed issir dan tmiem il-ġimgħa fi Stamford Bridge, Chelsea għelbu lil Bayer Leverkusen 2-0.

Din kienet ukoll l-ewwel logħba ta’ ħbiberija għal Chelsea, minn mindu rebħu l-FIFA Club World Cup għat-tieni darba fl-istorja tagħhom.   Il-Coach ta’ Chelsea, Enzo Maresca għażel li jbiddel 6 plejers mill-formazzjoni inizjali li niżel biha fil-finali tal-FIFA Club World Cup kontra PSG, hekk kif rajna li beda biss lil Palmer, Caicedo, Chalobah, Cucurella u Gusto f’din il-logħba ta’ ħbiberija.  Waħda mill-bidliet ġiet sfurzata fuqu hekk kif aktar kmieni din il-ġimgħa, eżattament fl-ewwel ġurnata tal-preseason training, Levi Colwill weġġa’ u saritlu operazzjoni lbieraħ.

Chelsea kienu l-aħjar tim fil-pitch, u bdew ikunu perikolużi sa mill-ewwel minuti tal-logħba.  Kien fit-18-il minuta li Chelsea fetħu l-iskor.  Cole Palmer, li bħalissa għaddej minn forma brillanti, laqat il-lasta l-mimduda u mir-rebound ikun l-akkwist il-ġdid tal-Blues Estevao li b’xutt mal-ewwel tefa’ fix-xibka fost il-ferħ tal-partitarji.   Intant it-tim ta’ Erik Ten Haag, ftit resqu lejn il-lasta difiża minn Jorgensen, bil-Blues jiddominaw din l-ewwel minn żewġ logħbiet ta’ ħbiberija li għandhom.  Din il-logħba serviet ta’ test tajjeb għaż-żewġ timijiet qabel jibdew l-impenji fl-istaġun il-ġdid tal-football.  Fl-aħħar minuti tal-logħba, Chelsea għamluhom 2-0 b’Joao Pedro minn qagħda ċentrali jirċievi xutt diagonali, u b’xutt imkaxkar imma b’saħħtu għeleb għal kollox lil goalkeeper tat-tim Ġermaniż biex Chelsea għalqu l-logħba 2-0 minn fuq.

Chelsea jerġgħu jkunu fl-azzjoni nhar il-Ħadd li ġej, din id-darba kontra AC Milan (Kick-off 16:00).  Logħba li se terġa tintwera fuq TVM Sports+

Fl-aħħar tal-logħba il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu Carlo Micallef preżenta trofew lil Captain ta’ Chelsea Reese James, rebbieħa ta’ din il-logħba.  Preżenti wkoll iċ-Chairperson tal-Awtorità, Charles Mangion.  L-MTA, permezz ta’ VisitMalta, huma l-isponsors uffiċjali tal-VisitMalta Weekender, b’Malta tkun preżentata bħala destinazzjoni vibranti u ta’ klassi dinjija. Il-kollaborazzjoni bejn Chelsea u VisitMalta, qed tkompli toffri lill-partitarji taħlita unika ta’ sport, kultura u turiżmu.  Dawk li attendew kellhom l-opportunità jaraw viżwali ta’ Malta f’diversi punti ewlenin, fosthom fi Stamford Bridge u fl-istazzjon tal-Underground ta’ Fulham Broadway.

Line ups

Chelsea: Filip Jorgensen, Marc Cucurella, Liam Delap, Andrey Santos, Trevoh Chalobah, Moises Caicedo (C), Malo Gusto, Tyrique George, Josh Acheampong, Estevao, Cole Palmer.

Subs: Robert Sanchez, Gabriel Slonina, Tosin Adarabioyo, Pedro Neto, Enzo Fernandez, Jamie Gittens, Dario Eussugo, Joao Pedro, Jorrel Hato, Reece James, Aaron Ansilmino, Samule Rak-Sayki, Genesiz Antwi.

Bayer Leverkusen: Mark Flekken, Piero Hincapie, Jarell Quansah, Robert Andrich (C), Edmond Tapsoba, Patrik Schick, Alejandro Grimaldo, Amine Adli, Nathan Tella, Aleix Garcia, Ibrahim Maza.

Subs: Niklas Lomb, Simeon Rapsch, Axel Tape, Farid Alfa-Ruprecht, Alejo Sarco, Victor Boniface, Christian Kofane, Francesco Buono, Jerry Mensah, Issa Traore, Ferdinand Pohl, Montrell Culbreath, Ben Hawighorst.

Referee: Stuart Attwell

Ritratti: VisitMalta