National Lottery plc u l-Għaqda Ġurnalisti Sports, bi pjaċir iħabbru li Katryna Esposito rebħet it-tieni unur tal-IZIBET Elite Athlete Award li jkopri x-xhur ta’ Marzu u April 2024.

Katryna Esposito li għandha 23 sena, telgħet fuq il-quċċata tal-podju fil-kategorija tan-nisa tat-48 kilogramma, fil-Kampjonati tal-Commonwealth tal-Judo li saru f’Malta. Din il-midalja tad-deheb mirbuħa minn Esposito kienet l-ewwel waħda għal Malta fil-judo f’dawn il-kampjonati.

F’dan l-avveniment Esposito kienet qed tkompli tipprepara ruħha għall-avvenimenti ta’ kwalifikazzjoni tal-Olimpjadi li ġejjin u ttejjeb il-preparazzjoni tagħha għall-bqija ta’ din is-sena. Dan is-suċċess ta’ Katryna Esposito wasal wara li hi kellha tieqaf mit-taħriġ għal ħames xhur, peress li kienet ġiet operata f’Settembru, wara li weġġgħet waqt il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa (GSSE 2023).

Franco de Gabriele, Chief Commercial Officer ta’ IZI Group ikkumenta fuq ir-riżultati straordinarji miksuba minn minn Katryna Esposito. “Huwa nkorraġġjanti li tara riżultati hekk pożittivi fuq livell internazzjonali. Konxji mill-fatt li wara dawn ir-riżultati hemm sigħat twal ta’ ħidma kbira u sagrifiċċju. Dawn ir-riżultati jawguraw tajjeb għall-futur. Malta dejjem ipproduċiet atleti tajbin fil-Judo u dak li kisbet Katryna huwa xhieda ta’ dan. Aħna ferm kuntenti li qed nagħtu s-sapport tagħna lill-atleti bħal Katryna li jagħmlu ħilithom kollha u jħarsu ‘l quddiem sabiex jilħqu l-ogħla livell fid-dixxiplini sportivi rispettivi tagħhom”.

Min-naħa tiegħu, Sandro Micallef, President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports sostna, “Inħossni verament sodisfatt li dan l-unur intrebaħ minn Katryna Espositio. Katryna kellha sena diffiċli ħafna hekk kif wara l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa, kellha tagħmel intervent maġġuri f’irkopptejha wara li weġġgħet u spiċċat għamlet l-ACL. Interessanti l-fatt li l-intervent kirurġiku sar minn missierha li huwa kirurgu li jispeċjalizza f’dawn it-tip ta’ operazzjonijiet. Ir-rijabilitazzjoni ta’ Katryna kienet waħda impressjonanti tant li bdiet tittrenja ferm qabel ma kien mistenni. L-irkupru fiżiku ta’ Esposito minn wara dan l-intervent għandu jservi ta’ kuraġġ u ta’ ispirazzjoni għall-atleti kollha li jgħaddu minn dawn il-mumenti diffiċli.”

Il-għan tal-IZIBET Elite Athlete Award huwa li jirrikonoxxi s-suċċessi miksuba mill-atleti lokali kull xahrejn.

Il-bord tal-għażla huwa magħmul minn ġurnalisti u osservaturi sportivi li se jkunu qed jevalwaw bir-reqqa il-kisbiet tal-atleti matul ix-xhur u jassiguraw li jkun hemm il-korretezza matul il-proċess kollu tal-għażla.

Ir-regolamenti tal-IZIBET Elite Athlete Award jistgħu jinkisbu minn fuq il-website tal-Għaqda Ġurnalisti Sports https://www.maltasportsjournalists.com/

Ritratt: (Mix-xellug) Lorraine Cunningham, Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports, James Morgan, Brand Manager ta’ IZI Group plc, Katryna Esposito u Stephen Azzopardi, Amministratur tal-Għaqda Ġurnalisti Sports.