Din il-ġimgħa fil-belt ta’ Santa Susanna fi Spanja sar is-86 Kungress tal-AIPS fejn ġie ċċelebrat wkoll iċ-Ċentinarju tal-AIPS sa mit-twaqqif ta’ din l-Assoċjazzjoni tal-Media Sportiva lura fis-sena 1924.

Tul il-Kungress saru diversi preżentazzjonijiet lir-rappreżentanti tal-media minn madwar id-Dinja minn ħafna Federazzjonijiet Internazzjonali fejn ingħataw l-aħħar dettalji dwar il-kompetizzjonijiet li hemm ippjanati fix-xhur li ġejjin.

Fost dawn, kien hemm preżentazzjonijiet mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali fejn ingħataw l-aħħar dettalji dawar l-Olimpijadi ta’ Pariġi 2024, il-UEFA li tat l-aħħar aġġornament dwar il-format il-ġdid tal-kompetizzjonijiet tal-UCL, UEL u UECL kif wkoll il-European Athletics fejn dawn qed iħejju għall-kampjonat Ewropew tas-sena 2024 li se jsir f’Ġunju f’Ruma.

Preżentazzjonijiet oħra saru mill-UNESCO, mill-FISU, mill-IFBB, Special Olympics, u mill-Erasmus. Il-Kungress kien indirizzat b’mod interattiv wkoll mill-President tal-FIFA Gianni Infantino u mill-President tal-Federazzjoni Afrikana tal-Football il-CAF Patrice Motsepe.

Tul il-Kungress saret wkoll l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-AIPS Awards fejn ġew ippremjati l-aħjar xogħolijiet ġurnalistiċi sportivi li kienu ppublikati u mxandra fis-sena 2023.

Għal sena oħra l-Għaqda Ġurnalisti Sports kienet preżenti f’dan il-kungress permezz tal-President Sandro Micallef u s-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham.

Id-delegazzjoni Maltija kienet parteċipi b’mod attiv tul il-kungress speċjalment wara li ġie ppreżentat il-kodiċi tal-etika l-ġdid tal-AIPS, fejn il-President Sandro Micallef ressaq xejn inqas minn ħames emendi li issa se jkunu qed jitressqu lill-Kumitat Eżekuttiv tal-AIPS.

Tul it-tlett ijiem tal-Kungress tal-AIPS ġie organizzata wkoll l-Assemblea Ġenerali tal-AIPS Europe il-fergħa Ewropea li bħalissa għandha l-Presidenza Maltija permezz ta’ Charles Camenzuli. F’din l-Assemblea Ġenerali ġie ppreżentat ir-rapport amministrattiv u segwit diskussjoni dwar il-futur tal-media sportiva b’aċċenn partikoalri għall-aċċess liberu u sigur partikolarment għal-logħbiet organizzati mill-UEFA fejn f’dan l-aħħar xhur ġew irraportati diversi inċidenti l-iktar li jirrigwardjaw fotografi.

L-Assemblea Ġenerali tal-AIPS Europe kienet indirizzata għal xi minuti wkoll mill-President tal-AIPS Gianni Merlo.