National Lottery plc u l-Għaqda Ġurnalisti Sports, ħabbru li Lisa Marie Bezzina rebħet ir-raba’ unur tal-IZIBET Elite Athlete Award li jkopri x-xhur ta’ Novembru u Diċembru 2023.

L-atleta Maltija Lisa Bezzina rebħet għall-ħames darba n-nofs maratona tan-nisa li saret nhar il-Ħadd 17 ta’ Diċembru 2023 f’Pisa, l-Italja.

Bezzina rnexxielha tirbaħ din in-nofs maratona f’ħin ta’ siegħa 21 minuta u 44 sekonda. Din kienet l-aħħar tellieqa staġjonali tagħha fejn kisbet l-aħjar ħin u waslet 18-il sekonda qabel l-atleta Brażiljana Jocasta Oliboni Da Luz.

“L-apprezzament u r-rikonoxximent tal-ħidma atletika bħal dik ta’ Lisa Marie Bezzina hu l-għan ewlieni tal-premju IZIBET Elite Athlete Award,” ikkummenta Franco De Gabriele – Chief Commercial Officer tal-IZI Group. “It-twaqqif ta’ dan il-premju flimkien mal-Għaqda Ġurnalisti Sports sar bil-għan li nirrikonoxxu d-determinazzjoni u l-isforzi tal-atleti bħal Lisa Marie. L-għan tagħna huwa li ngħinu sabiex tigi kkultivata l-kultura tal-eċċellenza fl-isport, kultura li Lisa Marie tgħix kuljum.”

Min-naħa tiegħu, Sandro Micallef, President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports irrimarka: “Huwa ta’ sodisfazzjon illi dan l-unur ingħata lil Lisa Marie Bezzina, għaliex fis-sens tal-kelma hija Atleta Elite Maltija u hija ta’ eżempju għaż-żgħażagħ, għaliex tieħu t-taħriġ b’serjetà u dedikazzjoni kbira. Is-sagrifiċċji tagħha jiġu ppremjati mhux biss fin-Nofs Maratona ta’ Pisa, iżda wkoll anki f’kompetizzjonijiet oħra lokali u internazzjonali.”

L-għan tal-IZIBET Elite Athlete Award huwa li jirrikonoxxi s-suċċessi miksuba mill-atleti lokali kull xahrjen Jannar–Frar, Marzu-April, Mejju-Ġunju, Lulju–Awissu, Settembru-Ottubru, u Novembru–Diċembru.

Il-bord tal-għażla huwa magħmul minn ġurnalisti u osservaturi sportivi li se jkunu qed jevalwaw bir-reqqa il-kisbiet tal-atleti matul ix-xhur imsemmija aktar qabel u jassiguraw li jkun hemm il-korretezza matul il-proċess kollu tal-għażla.

Ir-regolamenti tal-IZIBET Elite Athlete Award jistgħu jinkisbu minn fuq il-website tal-Għaqda Ġurnalisti Sports https://www.maltasportsjournalists.com/

Ritratt: James Morgan Brand Manager ta’ IZI Group plc jippreżenta t-trofew tal-IZIBET Elite Athlete Award għal Novembru – Diċembru 2023 lil Lisa Marie Bezzina flimkien ma’ Sandro Micallef, President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports.