Liam Daly ingħata l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Diċembru.

Daly, li għad għandu 13-il sena, huwa triatleta mal-klabb Għawdxi Shamrock Stars. F’Diċembru huwa ġie onorat minn Triathlon Ireland, hekk kif spiċċa fl-ewwel post fil-Kategorija 12/13-il sena kemm fil-Youth Series u anke fil-Kampjonat Nazzjonali li sar fl-Irlanda. Huwa kien ippremjat waqt ċerimonja li saret fi Sport Ireland Campus.

F’Ottubru li għadda huwa kien sar l-iżgħar tifel f’pajjiżna li qatt wettaq għawma ta’ 11-il kilometru.

It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Diċembru 2023, flimkien mal-voucher t’abbiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju, ġew ippreżentati lil Liam Daly minn Matthew von Brockdorff CEO & Direttur Maniġerjali ta’ Atlas Insurance flimkien ma’ Robert Micallef, Chief Commercial Officer ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti l-Amministratur Stephen Azzopardi.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.

In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’email lil info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.

Ritratt: Stephen Azzopardi (GħĠS), Robert Micallef (Atlas Insurance), Liam Daly, Matthew von Brockdorff (Atlas Insurance), Sean Michael Daly & Sandra Daly