L-Għaqda Ġurnalisti Sports (GħĠS) bi pjaċir tikkonferma li se tkun qed torganizza seminar li se jsir nhar is-Sibt, 21 ta’ Ottubru 2023 bl-isem ‘Training Women Sports Journalists / Reporters to work more at ease in the Sports Media industry’.

L-għanijiet prinċipali ta’ dan is-seminar huma aktar nisa jitħajjru jidħlu fl-industrija tal-midja sportiva kif ukoll jgħin lil dawk in-nisa li qed jaspiraw li jkunu ġurnalisti sportivi sabiex jaħdmu f’ambjent aktar komdu.

Uħud mill-aqwa ġurnalisti sportivi nisa Maltin flimkien ma diversi nisa Maltin oħra nvoluti fl-isport lokali se jkunu qed jaqsmu l-esperjenzi tagħhom f’dan is-semimar li hu l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu li qatt ġie organizzat f’pajjiżna dedikat għal dan is-suġġett.

Fost il-kelliema barranin hemm Zsuzsa Csisztu li hija ġurnalista sportiva famuża fl-Ungerija, tikteb regolarment fuq ‘Mandiner’ u hija wkoll prezentattriċi regolari fuq l-istazzjon televiżiv ‘Spiler Sports’. Csisztu hija wkoll avukat li tispeċjalizza fl-isport u tokkupa l-kariga ta’ Membru Eżekuttiv fil-Kumitat Olimpiku Ungeriż. Fil-preżent hija l-Viċi President tal-Għaqda tal-Ġurnalisti Sportivi fl-Ungerija u Viċi President tal-AIPS, li hija l-assoċjazzjoni internazzjonali tal-ġurnalisti sportivi. Csisztu hija wkoll Membru fl-Advisory Board tal-Hungarian Olympic Academy.

Il-kelliema barranija l-oħra hija Francesca Benvenuti li hija preżentattriċi sportiva u reporter għal SportMediaset.

Dan is-seminar seta’ jsir bil-fondi tat-Training Initiative Scheme, li l-GħĠS irċeviet mingħand il-Malta Council for the Voluntary Sector, fi ħdan il-Ministeru għall-Inkużjoni, Għaqdiet Volontarji u Drittijiet tal-Konsumatur.

Is-seminar huwa miftuħ għal dawk kollha li huma interessati f’dan is-suġġett, iżda min jixtieq jattendi, jeħtieġ li jirreġistra billi jibgħat email fuq info@maltasportsjournalists.com sa mhux aktar tard mit-12ta’ Ottubru 2023.