National Lottery plc u l-Għaqda Ġuranlsti Sports, pi pjaċir iħabbru r-rebbieħ tat-tieni unur li qed jingħata lill-atleti Maltin kull xahrejn.

L-għan ewlieni tal-IZIBET Elite Athlete Award huwa li jirrikonoxxi s-suċċessi miksuba mill-atleti lokali għax-xhur ta’ Jannar–Frar, Marzu-April, Mejju-Ġunju, Lulju–Awissu, Settembru-Ottubru, u Novembru–Diċembru.

Il-bord tal-għażla huwa magħmul minn ġurnalisti u osservaturi sportivi li se jkunu qed jevalwaw bir-reqqa il-kisbiet tal-atleti matul ix-xhur imsemmija aktar qabel u jassiguraw li jkun hemm il-korretezza matul il-proċess kollu tal-għażla.

It-tieni unur li jkopri x-xhur ta’ Lulju u Awwissu 2023, ingħata liċ-Champion tad-Dinja tal-Pool Clayton Castaldi. Castaldi rebaħ dan it-titlu wara prestazzjoni mill-aqwa li kellu fil-Kampjonati Dinjija li saru f’Agadir fil-Marokk. Castaldi kien brillanti fil-fażi tal-gruppi u dik eliminatorja, sabiex fil-finali għeleb lill-plejer professjonali Ingliż Josh Kane bl-iskor ta’ 11-9 u ġie nkurunat champion.

Franco De Gabriele, Chief Commercial Officer ta’ National Lottery plc qal, “Bħalma għidt fit-tnedija tal-IZIBET Elite Athlete Award, aħna ninsabu kburin li qed nissieħbu mal-Għaqda Ġurnalisti Sports sabiex nagħrfu l-isforzi li jsiru mill-atleti lokali. Clayton Castaldi jagħmilna kburin li aħna Maltin, għax minkejja ċ-ċokon tagħna għandna rebbieħ f’kompetizzjoni dinjija “.

Sandro Micallef, President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports ikkumenta, “Jiena ninsab ferm sodisfatt li kumpanija rispettabli bħal National Lottery bil-prodott tagħha IZIBET, qed tagħti l-Elite Athlete Award flimkien mal-Għaqda Ġurnalisti Sports. Is-suċċess ta’ Clayton Castaldi huwa l-frott ta’ sagrifiċji li huwa jagħmel u l-isforzi li l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pool tagħmel sabiex niksbu riżultati tajbin internazzjonalment”.

Ir-regolamenti tal-IZIBET Elite Athlete Award jistgħu jinkisbu minn fuq il-website tal-Għaqda Ġurnalisti Sports https://www.maltasportsjournalists.com/