L-Għaqda Ġurnalisti Sports (GħĠS) organizzat il-Laqgħa Ġenerali Annwali tas-sena2023 li saret fis-Sala Prinċipali tal-Istitut għall-Edukazzjoni Fiżika u l-Isport fi ħdan l-Università ta’ Malta.

Is-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham ippreżentat ir-Rapport Amministrattiv li ġie approvat unanimanent. L-istess għar-Rapport Finanzjarju li kien ippreżentat minn Stephen Azzopardi li hu l-Amministratur u t-Teżorier tal-GħĠS.

Waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali, il-membri preżenti setgħu jsegwu l-ħidma u l-attivitajiet li ġew organizzati mill-Għaqda Gurnalisti Sports sa mill-aħħar Laqgħa Ġenerali Annwali.

Kienet sena oħra ta’ suċċess għall-kolaborazzjoni ma’ Atlas Insurance għall-premju tal-Atleta Żagħżugħ/a tax-Xahar u tas-Sena. Flimkien ma’ Together Gaming Solutions, ġiet estiża sena oħra għall-kollaborazzjoni li teżisti għat-TGS Malta Fair Play Award li jingħata kull tliet xhur. Dan l-unur imur għand atleti jew timijiet li jkunu spikkaw fil-Fair Play waqt l-avvenimenti sportivi lokali. Minbarra dawn iż-żewġ unuri, l-Għaqda Ġurnalisti Sports nediet ukoll unur ta’ kull xahrejn flimkien mal-kumpanija National Lottery bil-brand tagħha IZIBET għal IZIBET Elite Athlete Award, immirat għall-atleti Maltin li jiksbu suċċess internazzjonalment.

Intant matul is-sena. L-Għaqda Ġurnalisti Sports bi pjaċir rċeviet diversi stediniet minn assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi għal serati ta’ premjazzjonijiet.

Matul din l-aħħar sena l-Għaqda Ġurnalisti Sports ippreżentat tliet GħĠS Cups bħala parti minn ftehim fit-tul u r-relazzjoni tajba li l-Għaqda għandha mall-Assoċjazzjoni Maltija tal-Isport Akwatiku u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Hockey. Il-Membru tal-Kumitat Eżekuttiv Mark Muscat, is-sena l-oħra kien ippreżenta l-GħĠS Super Cup lil Sirens ASC, filwaqt li l-President Sandro Micallef, din is-sena ppreżenta l-GħĠS Super Cup lil Valletta IZIBET ASC. Il-Membru tal-Kumitat Eżekuttiv Robert Busuttil kien ippreżenta s-Super Cup tal-Hockey lil Qormi Daikin Hockey Club.

Waqt l-istess Laqgħa Ġenerali Annwali saret diskussjoni relatata mal-aħħar edizzjoni tal-Għażliet Sportivi Nazzjonali. Dawk preżenti urew l-appoġġ tagħhom fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports fl-organizazzjoni tal-edizzjoni li jmiss u apprezzaw l-isforzi u s-sagrifiċċji li jinvolvu l-organizazzjoni ta’ avveniment bħal dan. Il-President Sandro Micallef spjega li sfortunatament SportMalta għal darb’oħra ma wrietx l-interess biex tiffirma ftehim finanzjarju fit-tul, hekk kif għat-tielet sena konsekuttiva, l-aħħar edizzjoni ġiet organizzata mingħajr kuntratt iffirmat miż-żewġ naħat.

Fil-konklużjoni tiegħu, il-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Sandro Micallef irrimarka li grazzi għall-Kunsill Malti għall-Volontarjat, l-Għaqda se tibbenefika minn fondi mill-iskema tat-Training Initiative Scheme, sabiex torganizza seminar f’Ottubru mmirat għan-nisa fil-qasam tal-ġurnaliżmu sportiv. Micallef semma wkoll li delegazzjoni mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports kellha laqgħa pożittiva mas-Segretarju Ġenerali u l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Malta Football Association, qabel il-bidu tal-istaġun tal-futbol lokali tal-2023/24.