L-għawwiema Olimpika Sasha Gatt ingħatat l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Mejju. Għal Gatt din mhijiex l-ewwel darba li qed tirċievi dan il-premju, hekk kif kienet ir-rebbieħa f’Awissu 2020 u f’Ġunju 2021. Fil-Logħob tal-Pajjiżi z-Zgħar tal-Ewropa 2023 (GSSE 2023), hija rebħet tliet midalji fl-ewwel jumejn ta’ dawn il-logħbiet. Fil-fatt hija rebħet midalja tal-fidda fit-800 metru Freestyle tan-Nisa u bronż fl-400 metru Freestyle tan-Nisa. F’dawn iż-żewġ kompetizzjonijiet hija ġiet wara l-għawwiema minn San Marino Adrianna Valloni. Gatt rebħet ukoll il-midalja tal-fidda fil-Women’s 4 x 200m Freestyle Relay.

It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Mejju 2023 flimkien mal-vawċer t’abbiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju ġew ippreżentati lil Sasha Gatt minn Robert Micallef, Chief Commercial Officer u David Cassar, Business Development and Marketing Manager ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti s-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.

In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’imejl lil info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.

Ritratt: Mix-xellug: Lorraine Cunningham Segretarju Ġenerali (MSJA), Sasha Gatt Robert Micallef, Chief Commercial Officer u David Cassar, Business Development and Marketing Manager (Atlas Insurance).