Il-Ħamis ġie fi tmiemu l-85 Kungress tal-AIPS (l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-midja sportiva) li kien qed isir f’Seoul il-Korea t’Isfel. Fuq l-aġenda ta’ dan il-Kungress kien hemm ir-reviżjoni tal-istatut tal-AIPS li issa ġie approvat wara iktar minn sentejn ta’ diskussjoni bil-kontribut tal-kummissjoni li kienet responsabbli minn dan il-proġett. Il-Kungress kien jinkludi wkoll diversi preżentazzjonijiet minn Federazzjonijiet Internazzjonali li kollha kemm huma ppreżentaw il-viżjoni u l-preparazzjoni tagħhom għall-avvenimenti sportivi maġġuri fix-xhur li ġejjin. Fost dawn kien hemm preżentazzjoni mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali dwar l-aħħar preparazzjoni għall-Olimpjadi f’Pariġi s-sena d-dieħla kif ukoll il-FIFA tat rendikont tal-aħħar tħejjijiet tat-Tazza tad-Dinja tan-Nisa li se ssir l-Awtralja u New Zealand fis-sajf li ġej.

Preżentazzjonijiet oħra saru mill-UEFA dwar il-kampjonat Ewropew tas-sena 2024, mill-UNESCO dwar il-proġett tagħhom ta’ edukazzjoni permezz tal-isport u mill-FISU dwar il-World University Games li se jsiru fiċ-Ċina s-sena d-dieħla.

Fil-preżentazzjoni ta’ Thomas Giordano, Kap tal-Komunikazzjoni fi ħdan il-UEFA, saret referenza għall-fatt li l-UEFA reġgħat laħqet ftehim mal-AIPS biex ikun organizzat Young Reporters Programme ieħor li se jkun qed isir proprju waqt il-Kampjonat UEFA Euro U19 li se jsir f’Malta bejn it-3 u s-16 ta’ Lulju. Għal dan il-programm l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien mal-AIPS qed joffru l-opportunità lil żagħżugħ jew żagħżugħa Maltija biex jingħaqdu ma’ grupp ta’ reporters żgħażagħ oħra minn madwar id-dinja u jesperjenzaw din il-ħidma ta’ rappurtaġġ u tagħlim ġurnalistiku.

Il-85 edizzjoni tal-Kungress AIPS fetaħ biċ-ċerimonja tal-AIPS Sports Media Awards fejn ġew mogħtija diversi unuri fil-kategoriji ġurnalistiki kollha kif ukoll rikonoxximenti oħra.

L-Għaqda Ġurnalisti Sports f’dan il-kungress kienet irrappreżentata mill-President Sandro Micallef u s-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham. Il-parteċipazzjoni tagħhom kienet possibbli bl-assistenza tal-kumpanija Together Gaming Solutions li huma wieħed mill-isponsors uffiċjali tal-assoċjazzjoni. Preżenti wkoll għal dan il-kungress kien hemm Charles Camenzuli, President tal-fergħa Ewropea tal-AIPS u viċi President tal-AIPS.

F’dan il-kungress saret ukoll l-assemblea ġenerali tal-AIPS Europe li fiha ġew diskussi diversi materji fosthom is-sitwazzjoni tal-fotografi waqt il-qadi ta’ dmirijiethom u aktar benefiċċji għal min ikun membru fl-AIPS. Ġie deċiż ukoll li bħala konferma tas-solidarjetà kontinwa lejn il-ġurnalisti Ukreni, l-AIPS Europe se tkun qed tikteb lil-Kumitat Olimpiku Internazzjonali biex jirrikonsidera l-pożizzjoni tiegħu dwar id-deċiżjoni li atleti Russi u Belarussi jitħallew jikkompetu fl-Olimpjadi ta’ Pariġi 2024.