Il-Malta Fair Play Movement b’kolaborazzjoni mal-Għaqda Ġurnalisti Sports u Together Gaming Solutions ħabbru li r-rebbieħ tal-ewwel TGS Fair Play Award għas-sena 2023 ingħata lil Daniel Sowatey.

L-ewwel unur għas-sena 2023, li jkopri l-perjodu bejn Jannar u Marzu ngħata lil Daniel Sowatey plejer tal-futbol mill-Ghana li beda jilgħab f’Għawdex fl-2016 mat-tim ta’ Xagħra United F.C. u fl-2019 ma’ Victoria Hotspur. Fl-2020 hu kien kompla l-karriera tiegħu f’Malta ma’ Żejtun Corinthians sakemm ingħaqad ma’ Vittoriosa Stars fl-2022 u f’dan l-istaġun kien fuq il-kotba ta’ San Gwann F.C.

Daniel Sowatey imexxi wkoll is-Sowatey Official Foundation bil-għan li jgħin fl-iżvilupp tal-isport b’mod speċjali l-logħba tal-futbol f’art twelidu, l-Ghana, Dan l-aħħar San Ġwann F.C. u l-Malta Football Players Association (MFPA) inagħqdu ma’ Sowatey billi għamlu donazzjoni ta’ apparat tal-futbol lit-tim ta’ Sambo4 F.C fil-Ghana. Matul is-sena li għaddiet is-Sowatey Foundation tat provista ta’ ikel u xorb lit-Teshie Orphanage Home.

Dan il-premju huwa intiż għal dawk fil-qasam tal-isport kemm fuq livell individwali jew bħala tim għal mod altruwistiku f’kompetizzjoni/ijiet uffiċjali jew le.

“Huwa dejjem ta’ privileġġ kbir għalina li nirrikonoxxu u napprezzaw l-altruwiżmu, il-ġenerożità u s-sapport partikolarment fejn jidħol is-servizz lejn il-komunità fil-bżonn. Prosit lil Daniel Sowatey u lill-Għaqda Ġurnalsti Sports li flimkien mal-Malta Play Movemenet iddeċidiet li tagħtih dan il-premju.” Edward Licari Direttur ta’ Together Gaming Solutions.

Il-Preżentazzjoni tat-TGS Fair Play Award saret fl-uffiċini ta’ Together Gaming Solutions, fil-preżenza ta’ Benjamin Delsinger Direttur Maniġerjali ta’ Together Gaming Solutions u Andrea Critien mid-Dipartiment tal-Finanzi u r-Riżorsi Umani. Charles Camenzuli kien preżenti f’isem il-Malta Fair Play Movement, filwaqt li għall-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm l-Amministratur Stephen Azzopardi.

Individwi, timijiet, jew uffiċjali jistgħu jikkomunikaw mal-Għaqda Ġurnalisti Sports u mal-Malta Fair Play Movement biex jirrapurtawlhom att ta’ fair play billi jibagħtu email fuq info@maltasportsjournalists.com, sabiex dan il-ġest ikun ikkunsidrat għal dan l-unur.

Ritratt: Benjamin Delsinger (Direttur Maniġerjali ta’ Together Gaming Solutions) jippreżenta t-trofew tat-TGS Fair Play Award għal Jannar – Marzu 2023 lil Daniel Sowatey (San Gwann F.C.).