Charles Camenzuli reġa’ ġie kkonfermat fil-kariga ta’ President tal-AIPS Europe, l-fergħa Ewropeja tal-AIPS li hija l-Federazzjoni Internazzjonali tal-Midja Sportiva. Camenzuli ġie konfermat fil-kariga wara elezzjoni li huwa rebaħ b’26 vot għal 13 mill-kontestant Franċiż Marc Ventouillac tal-ġurnal l’Equipe. L-elezzjoni saret it-Tlieta filgħodu waqt l-Assemblea Ġenerali tal-AIPS Europe fl-istess ġurnata li fetaħ l-84 Kungress tal-AIPS li qed isir f’Ruma l-Italja. B’kollox kienu 39 pajjiż Ewropew eliġibbli li jivvutaw u bħala osservaturi kien hemm diversi pajjiżi oħra li wkoll qed jattendu dan il-Kungress. Fl-ewwel kummenti tiegħu lil dawk preżenti Charles Camenzuli rringrazzja lill-pajjiżi kollha li tawh il-fiduċja biex ikompli jmexxi u emfasizza li hu se jkun jerġa l-President tal-pajjiżi Ewropej kollha nkluż dawk li appoġjaw il-kandidatura ta’ Ventouillac.

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports esprima s-sodisfazzjon għal dan ir-riżultat li jitfa’ responsabbilità mhux biss fuq il-President Onorarju Charles Camenzuli iżda fuq l-Assoċjazzjoni Maltija.

Fil-Kungress Malta hija rrapreżentata mill-President Sandro Micallef, is-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham u l-membru tal-Kumitat Eżekuttiv Antvin Monseigneur.

Ara l-ewwel reazzjoni ta’ Charles Camenzuli konfermat bħala President tal-AIPS Europe ma’ Lorraine Cunningham Seg Ġenerali tal-GħĠS https://fb.watch/fXQk9Clxfw/

Ritratt: (mix-xellug) Antvin Monseigneur – membru tal-Kumitat Eżekuttiv tal-GħĠS, Sandro Micallef – President tal-GħĠS, Charles Camenzuli – President tal-AIPS Europe, Lorraine Cunningham – Segretarju Ġenerali tal-GħĠS.